Ħadd m’hu qed jippretendi li Recep Erdogan se jibdel it-triq li qabad għax se tkun qaltlu biex jagħmel dan Marie Louise Coleiro Preca. Daqs kemm ħadd m’hu se jistenna li din se tmur tgħid lil Recep Erdogan li Malta hi xi kapurjun tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà tal-kelma u tas-saltna tad-dritt.
Wara kollox dan setgħet qalitu wkoll il Joseph Muscat u araw kemm irnexxielha taqta’ sandar.
M’jinix wieħed minn dawk l-inġenwi li jaħsbu li d-diplomazija internazzjonali għad fadlilha xi impatt morali speċjalment meta tkun immexxija minn pajjiż ċkejken bħal tagħna. Madankollu d-diskors li għamlet Marie Louise Coleiro Preca fi tmiem il-laqgħa li kellha mal-proto-dittatur Tork ifakkarna ħafna f’dak li tlifna.
B’mod anakronistiku għall-aħħar, din qaltlu li Malta se tkompli tappoġġja l-applikazzjoni tat-Turkija biex tissieħeb fl-UE. Għadda dak iż-żmien li fih it-Turkija kienet qed turi serjeta’ fl-aspirazzjoni tagħha li tissieħeb mal-UE, għalkemm ikolli ngħid li l-biċċa l-kbira tal-Ewropej ma tantx kienu wrew l-istess ħerqa. Iżda dan il-pjan għal sħubija ma kienx biss pjan b’bixra ekonomika u soċjali. Kien pjan li ġarr miegħu wkoll it-tama li t-Turkija tittrasforma ruħħa f’demokrazija miftuħa li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.
Illum is-sħubija fl-Unjoni Ewropea m’għadhiex kunsidrata bħala garanzija tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini tagħha. Kien hemm żmien meta konna nitgħaġġbu bl-esperjenzi tal-Portugall, ta’ Spanja u tal-Greċja li minn stati dittatorjali ittrasformaw ruħħom u ħadu posthom bħala stati demokratiċi fi ħdan il-familja Ewropea.
L-eżempju ta’ dawn il-pajjiżi kien ta’ xprun biex imbagħad l-Unjoni Ewropea kompliet tikber bis-sħubija ta’ pajjiżi mil-lvant tal-Ewropa, li dari kienu satelliti Sovjetiċi, u ta’ Malta – pajjiż li kien għadu kemm ħareġ minn snin ta’ madmad Soċjalista.
Huwa ċar li l-garanzija tad-demokrazija ma tissarrafx kif ġieb u leħaq. Id-demokrazija fl-Ungerija, fil-Polonja u f’Malta tinsab fil-periklu. U l-Italja – wieħed mill-pajjiżi fundaturi tal-UE – qed tilgħab man-nar.
Is-sħubija fl-UE m’għadhiex sinonima mal-garanzija ta’ rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini Torok.
Wara kollox, it-Turkija m’għadhiex taspira li tiġi kunsidrata bħala pajjiż demokratiku. Kif stqarret Pelin Unker – ġurnalista investigattiva li ġiet kundannata għal perijodu fil-ħabs talli nvestigat storja dwar ħasil ta’ flus f’Malta minn politiku setgħan Tork – f’messaġġ li nqara waqt velja għas-Sewwa u għall-Ġustizzja fil-Belt Valletta – illum it-Turkija hi l-akbar ħabs fid-dinja għall-ġurnalisti.
L-attakk fuq il-liberta’ tal-istampa fit-Turkija huwa biss parti mill-abbużi sistematiċi kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-korruzzjoni fl-ogħla livelli politiċi.
Lil Recep Erdogan, Marie Louise Coleiro Preca qaltlu li Malta u t-Turkija għandhom jikkoperaw fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, tat-teknoloġija tal- blockchain u tal-kostruzzjoni. Semmiet ukoll oqsma oħrajn iżda qed insemmi biss uħud minnhom.
Lill-ġurnalisti Maltin u lill-attivisti tas-soċjeta’ ċivili, Pelin Unker qaltilhom li dawn għandhom jikkoperaw ma’ sħabhom fit-Turkija għaliex kappell ta’ reġim korrott ma jmejjilx lill-kappell ta’ reġim korrott ieħor. U biex inkunu nistgħu inħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili jkun jeħtieġ li ningħaqdu biex nikxfu l-verita’.