Stqarrija ta’ Repubblika:

Erbgħin persuna minn setturi differenti tal-ħajja Maltija l-bieraħ fil-għaxija iffurmaw formalment ‘Repubblika’, organizzazzjoni mhux governattiva bil-għan li tippromwovi d-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’Malta.

Fil-laqgħa li saret il-bieraħ fil-Floriana, il-membri fundaturi ta’ Repubblika approvaw l-istatut tal-organizzazzjoni li qed jiġi ppubblikat fuq il-paġna elettronika ta’ Repubblika www.facebook.com/Repubblika.

Il-membri approvaw ukoll il-ħatra tal-ewwel kumitat eżekuttiv ta’ Repubblika, ippresjedut mill-President Marion Pace Asciaq. Dr Robert Aquilina inħatar Segretarju Ġenerali ta’ Repubblika u Paula Fleri-Soler hija t-Teżorier.

Repubblika twaqqfet biex tippromwovi d-drittijiet ċivili, il-ħajja demokratika, is-saltna tad-dritt, il-kelma ħielsa, il-libertajiet personali, l-inklużjoni soċjali, il-konservazzjoni tal-ambjent, is-sostennibilta’ ekonomika u l-ugwaljanza tal-aċċess. Dan tagħnmly billi tieħu sehem attiv fid-djalogu nazzjonali u b’inizjattivi relevanti bi skop edukattiv, soċjali jew filantropiku,

Repubblika se tapplika biex tirreġistra mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarju u fir-Reġistru tal-Persuni Legali skond il-liġi.

Persuni li jixtiequ jissieħbu f’Repubblika huma mistiedna jagħmlu dan billi jżuru l-paġna elettronika tal-organizzazzjoni fuq Facebook.