Se jkun hemm min jissimpatizza ma’ Anton Refalo hekk kif jiġi mixli fil-Qorti li sawwat lil ibnu li għandu 16 il-sena. It-Times of Malta irrappurtat li Refalo rrabja ma’ ibnu meta dan sema’ mingħand missier it-tfajla li kellu li hu (jiġifieri ibnu) kien xerred pornografija bi tpattija fuq l-internet hekk kif tħassret ir-relazzjoni li kellu mat-tfajla.

Issa sta għall-qorti biex tiddeċiedi dwar il-kuntest, il-fatti u l-azzjoni li trid tittieħed.

Barra li hu membru parlamentari, Anton Refalo huwa wkoll iċ-chairman ta’ Heritage Malta, li hi aġenzija tal-gvern.

Ir-regolamenti li jirregolaw l-imġieba tal-impjegati ta’ Heritage Malta huma ċari: malli d-direttur isir jaf li l-pulizija qed jinvestigaw allegazzjoni dwar it-twettiq ta’ reat kriminali bħal dan, impjegat li jkun taħt investigazzjoni jkollu jieħu l-forced leave għal mhux aktar minn mitt jum. U jekk jirriżulta li l-pulizja tkun se tixlieh fil-qorti jew anke jekk dan jiġi arrestat, id-direttur huwa meħtieġ b’liġi li jirrakkomanda s-sospensjoni tal-impjegat minn dmirijietu lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Sakemm idum sospiż, impjegat jirċievi nofs paga u l-paga li ma tkunx tħallset tingħatalu f’każ li ma jinstabx ħati jew jekk il-pulizija iwaqqgħu l-akkużi.

Skond ir-regolamenti, id-direttur jew il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma jistgħux jevalwaw iċ-ċirkostanzi tal-każ. F’każi ta’ vjolenza domestika, ma jidħlux fil-mertu dwar x’seta’ pprovoka lil min allegatament kiser il-liġi. Din hi kwistjoni li l-qorti biss għandha s-setgħa li tittrattaha.

Ir-regolamenti dwar l-amministrazzjoni pubblika m’humiex qiegħdin hemm biex jinfurzaw il-liġi kriminali. Qegħdin hemm biex iħarsu r-reputazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Ebda uffiċjal pubbliku li jkun qed jiġi investigat dwar reat kriminali bħal dan jew li jkun qed jiġi mixli biex iwieġeb għall-akkużi, ma jista’ jibqa’ jokkupa kariga sakemm ikunu għaddejjin il-proċeduri.

Madankollu, jekk il-qorti ma ssibx ħtija, l-impjegat ikun jeħtieġ jerġa’ jieħu postu lura. Iżda sakemm igħaddi mill-għarbiel tal-qorti, impjegat ma jistax jitħallas jgħarraq ir-reputazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

Illejla se jitlaqqa’ l-grupp parlamentari tal-PN wara li kien ilu ma jitlaqqa’ għal ġimgħat sħaħ. Għandi nifhem li se tiġi diskussa l-possibilità li l-Ministru Owen Bonnici jiġi mistoqsi dwar jekk kienx irċieva r-riżenja ta’ Anton Refalo u li, jekk dan ma rriżenjax, jekk talbux jirriżenja bil-għan titħares ir-reputazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

M’għandi dubju li hekk ser jagħmel.

Jewwilla r-regolamenti li japplikaw għall-impjegati ma japplikawx ukoll għall-imgħallmin?