Din li ġejja hi stqarrija llum mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia:
Ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li ‘l bieraħ filgħaxija għaddiet b’maġġoranza kbira, ressqet lill-familja tagħna dejjem aktar qrib il-verità: li Daphne llum għadha mimlija bil-għomor li kieku l-awtoritajiet f’Malta investigaw u mexxew kontra l-korruzzjoni kif suppost, li kieku l-istituzzjonijiet Malti tħallew jaħdmu bla xkiel u li kieku Malta hi pajjiż tassew demokratiku. Minn naħa tagħna, għamilna dak kollu li stajna biex nassiguraw li l-verità kollha titla’ fil-wiċċ.
Issa qegħdin nitolbu l-appoġġ tal-komunità internazzjonali biex jiġi żgurat li Malta timplimenta r-rakkomandazzjoni l-aktar importanti tar-riżoluzzjoni: li l-Prim Ministru Malti jawtorizza t-tnedija ta’ inkjesta pubblika indipendenti dwar iċ-ċirkostanzi tal-assassinju ta’ Daphne.
M’għandu xejn minn xiex jibża’ ħlief mill-verità.