Anki fl-isfond ta’ dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar sentejn u b’mod partikolari dak li seħħ f’dawn l-aħħar erbat ijiem, d-deċiżjoni li ħa llum il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN se tħalli r-riperkussjonijiet. Il-Partit dalgħodu ssakkar f’kamra biex idur dawra miegħu nnifsu u, ħin bla waqt, feġġet splużjoni. Waqt li kien għaddej id-dibattitu kien hemm min ta x’jifhem li, meta kien irriżenja mill-Parlament biex jagħmel il-wisa’ għal Adrian Delia, lil Jean Pierre Debono saritlu wegħda. Setgħu saru aktar minn wegħda waħda, iżda llum kien jum li fiha l-wegħdi setgħu jissarfu: kienet opportunità li fiha seta’ jieħu l-lura s-siġġu li kien ċeda.
Meta Adrian Delia kien għadu qed jara kif se jsib postu fil-Parlament, kienu saru wegħdiet lil deputati parlamentari oħra li ġew avviċinati biex iċedu posthom. Jien kont ktibt li wegħda li bi skambju ma’ siġġu parlamentari tammonta għal ksur tal-liġi. U għadni tal-fehma li din hi l-pożizzjoni. Meta jiġi mwiegħed siġġu parlamentari b’rigal jew bi tpartit, dan jammonta għal oltraġġ demokratiku. Dan jammonta wkoll għal disprezz lejn il-vot demokratiku u mod ieħor dwar kif wieħed jista’ jabbuża mis-setgħa biex politikament jipprova jżomm fil-wiċċ. Din m’hi xejn ħlief forma ta’ disprezz fil-konfront tal-ġustizzja u fil-konfront tar-rieda popolari. Fi kliem ieħor, illum il-manigoldi politiċi li ħadu f’idejhom lill-Partit Nazzjonalista, għall-aħħar darba taw id-daqqa tal-mewt lill-karattru tiegħu. Infexxew fil-politika ta’ “għandi s-saħħa, u għalhekk ħadd ma jista’ għalija”. Għaddiet tagħhom – bi żbrixx u l-ħsara li saret – anki għalihom – hi bla qies.
Araw ftit x’distakk minimu kien hemm biex spiċċat intgħażlet il-persuna favorita tat-tmexxija biex tieħu postha fil-Parlament. Tnejn u erbgħin vot favur u erbgħin vot kontra. Ir-riżultat ġie kif ġie għax ivvotaw Jean Pierre Debono u martu – kunflitt ta’ interess ċar. Ġie kif ġie wkoll bis-saħħa tal-fatt li Jean Pierre Debono jinsab fil-pożizzjoni li jimmanipula. Il-bieraħ Norman Vella xandar korrispondenza li minnha jirriżulta li l-elezzjoni tiegħu fl-Eżekuttiv kienet inżammet bi ksur tal-istatut tal-Partit. Dan huwa l-każ ta’ persuna li ndenja ruħu li jibqa’ jinsisti u, fi stadju strateġiku, għażel li jikxef ir-raġunijiet għal kien inżamm. X’aktarx hemm każijiet oħrajn.
Iżda apparti ż-żamma ta’ membri potenzjali tal-Eżekuttiv li Jean Pierre Debono mhux f’pożizzjoni li jassikura l-appoġġ tagħhom, il-kompożizzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv inbidlet b’tali mod biex takkomoda persuni li l-kariga tagħhom jafuha lilu personalment. Għaliex minkejja d-diskors kollu dwar il-“Mod Ġdid” u dwar il-wasla minn barra l-Partit ta’ Adrian Delia – deskritt bħala l-persuna strateġikament għarfa li mhix mgħobbija bil-fallimenti tal-imgħoddi tal-Partit, avukat “ta’ kwalità”, bl-innijiet ta’ adulazzjoni li ser jerġa’ jibda’ jrebbaħ lill-Partit u ħmerijiet oħra simili – il-prinċep tad-dlamijiet li qed nitħaddtu dwaru ilu jimraħ fil-kuriduri tad-Dar Ċentrali qabel kulħadd u għal żmien twil. Ħafna u ħafna aktar qabel tfaċċa fix-xena Adrian Delia.
Jean Pierre Debono ilu jippresiedi fuq lista twila ta’ elezzjonijiet mitlufa aktar minn ħaddieħor. Ma’ kull telfa elettorali, filwaqt li ta’ madwaru refgħu r-responsabbiltà u għamlu l-wisa’ għal ħaddieħor, hu dejjem baqa’ f’postu. Id-database tal-Partit jinsab f’idejh, għandu aċċess għall-identità li jaħdmu fi ħdan il-Partit u għandu vot li jista’ jużah biex isaħħaħ lilu nnifsu u fl-istess waqt idgħajjef lil ħaddieħor. Il-mazz jinsab f’idejh u l-pupazz li jpoġġi fuq it-tron tas-setgħa jiddependi minnu.
Dan l-għatx għall-poter ma jwassal għal imkien u jispiċċa biex jeqirdek. It-taqtigħa għall-poter se twassal għal aktar tifrik. Bosta nies tal-affari tagħhom mhux biss ma baqgħux jivvutaw għall-Partit iżda qed iżommu ‘l bogħod minnu.
Illum dabbar rasu Mark Anthony Sammut għax ma felaħx aktar. Għalkemm huwa simbolu tal-ħsara patetika li l-PN qed jagħmel lilu nnifsu, jirrappreżenta wkoll il-mexxejja potenzjali kollha li bħalissa jistgħu ikunu fil-filliera ta’ quddiem biex jikkumbattu kontra l-gvern iżda li qed iħossu li qed jaħlu l-ħin tagħhom ma’ Partit li bħal donnu m’huwiex interessat ħlief li jiġġieled battalji interni miegħu nnifsu.
It-tron tas-setgħa Jean Pierre Debono jridu għalih. Għad jaqta’ xewqtu xi darba: iżda jkun jista’ jsaltan biss fuq salt irmied. Din m’hix xi fażi negattiva li jgħaddi minnha kull partit politiku. Din hi kwistjoni ta’ ħajja jew mewt. Fil-frattemp, aħna nibqgħu nittamaw li jitfaċċa xi eroj li lill-Partit jista’ jerġa’ jirxoxtah u jtih il-ħajja.
Iżda bħalissa kulma qed naraw huwa Jean Pierre Debono, b’xagħru ppettnata, liebes ingravata u libsa pulita b’arma f’idejh u b’espressjoni tal-waħx fuq wiċċu li kienet tixraq għal xi produzzjoni ta’ Stanley Kubrick.
Għadu kemm ħareġ mill-bieb ta’ bini fejn dalgħodu għadda minnu partit politiku.