Kien pjaċir tiegħi li attendejt il-bieraħ għall-marċ msejjaħ mill-Moviment Graffitti b’solidarjetà ma’ dawk kollha li spiċċaw bla saqaf fuq rashom bi protesta kontra r-regħba ta’ min qed iwettaq proġetti ta’ kostruzzjoni li huma l-kaġun tas-sitwazzjoni mwiegħra li issa sabu ruħħom fiha.
Id-diskors li għamel Wayne Flask ma kienx biss wieħed letterarju. Kien ukoll karba msejsa fuq ir-rabja u s-sens ta’ frustrazzjoni, kif ukoll protesta kontra l-indifferenza li hawn fil-konfront tal-ħarsien ta’ ħajjet ħaddieħor u tat-tbatija li qed tinħoloq minħabba t-tiġrija b’riżq qliegħ ta’ flus dejjem akbar. Huma dawk li spiċċaw bla saqaf fuq rashom li l-iktar li qegħdin ibatu. U magħhom hemm il-bqija tal-poplu li jinsab taħt id-dell ta’ żvilupp eżaġerat u mingħajr kontroll li qed iservi wkoll biex jiżdied it-tniġġiż.
Geplaatst door Moviment Graffitti op Dinsdag 18 juni 2019
Wieħed m’għandux għalfejn ikun segwaċi ta’ Marx biex jifhem l-inġustizzja li nħolqot u li għadha qed tinħoloq.
Andrè Callus tal-Moviment Graffitti imbagħad semma’ lista ta’ talbiet sensibbli biex f’dan il-qasam jitwettqu riformi li huma pjuttost xokkanti – mhux għaliex huma ta’ xeħta radikali – iżda għaliex fil-biċċa ‘l kbira tagħhom huma minn ewl id-dinja u ġusti.
Jekk xejn, it-talbiet li saru m’humiex radikali biżżejjed għaliex ma jindirizzawx il-kaġun ewlieni tad-diżastru f’pajjiżna li qegħdin ngħixu kuljum, kif Wayne Flask spjega tant tajjeb fid-diskors tiegħu. Jiġifieri li dan id-diżastru urban jaħtu għalih il-partiti politiċi minħabba s-suddizzjoni żejda li għandhom mill-qasam tal-bini u tal-iżvilupp.
Ir-rabta li teżisti bejn dawk is-sinjuruni li jiffinanzjaw lill-partiti politiċi u l-partiti politiċi nnifishom hi waħda transazzjonali u monetarja u għalhekk, f’dawk li huma kunsiderazzjonijiet dwar dak li għandu jammonta għal interess pubbliku, rabta bħal din toħloq żbilanċ fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-amministrazzjoni pubblika. Din ir-rabta tiggarantixxi wkoll it-tkattir tal-inugwaljanzi fis-soċjetà tagħna.
Dawk li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u li tkellmu ‘l bieraħ fl-attività tal-Moviment Graffiti, apparti l-fatt li lkoll tilfu djarhom, kellhom aktar minn element wieħed li jgħaqqadhom. Dawn huma persuni li jaqilgħuha u jikluha u il-ftit li kellhom tilfuh minħabba l-kilba u r-regħba tal-iżviluppaturi.
Wieħed m’għandux għalfejn ikun segwaċi ta’ Marx biex jifhem l-inġustizzja ta’ dan kollu.
Suppost li, bis-saħħa tal-għodda tal-politika, l-inġustizzji fis-soċjetà għandhom jitnaqqsu. Iżda jekk il-partiti politiċi jkunu dipendenti żżejjed mill-għotjiet tas-sidien fl-industrija tal-bini, m’hemmx dubju li l-eżiġenzi ta’ dawn is-sidien jieħdu s-sopravvent fuq il-ħtiġijiet tal-poplu.
Fi kliem ieħor, tal-MDA jispiċċaw biex jiktbu l-liġijiet li suppost qegħdin hemm biex irażżnuhom.
Jista’ jkun hemm min igħid li qed inħawwad ħaġa m’oħra, iżda l-kwistjoni li dwarha pprotestaw il-bieraħ tal-Moviment Graffitti tfakkarni fil-kriżi kbira li jinsab għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista.
Araw ftit kif il-bieraħ Pierre Portelli, li kien jippretendiha tal-factotum ta’ wara t-“tron” ta’ Adrian Delia, kkonferma li hu “minn dejjem kellu relazzjoni professjonali” ma’ tat-Tumas Group anki waqt li kien qed jaħdem biex lil Adrian Delia jħejjilu t-triq biex isir Prim Ministru.
Tat-Tumas Group — jiġifieri Yorgen Fenech — m’humiex membri tal-MDA u strettament m’humiex żviluppaturi. Iżda ejjew nikkonċedu li dan il-bniedem għandu numru mdaqqas ta’ interessi privati bħalma hu, per eżempju, l-power station li huwa kien innegozja għalih u għan-nom ta’ sħabu u li wassal biex ġew garantiti favur tiegħu prezz u rata ta’ konsum ta’ enerġija għat-18 il-sena li ġejjin, saħansitra anki minn fuq dahar dawk li jaqilgħuha u jikluha. Hemm ukoll allegazzjonijiet, li huma konfermati minn provi dokumentati, li fittex li jxaħħam lil ċerti politiċi biex, fil-każ tal-power station, ikun jista’ jressaq il-boċċa qrib il-likk.
Filwaqt li Pierre Portelli b’ċerta kburija ddikjara li “minn dejjem kellu relazzjoni professjonali ma’ tat-Tumas Group”, fl-istess nifs tkaża wkoll bir-“reat kriminali politiku” li wettaq Karol Aquilina meta dan aċċetta li jassistini legalment. Għaliex, taf int, illum il-ġurnata m’hemm xejn ħażin jekk “minn dejjem kellek relazzjoni professjonali ma’” Yorgen Fenech, sid is-17 Black u persuna li għamel ħlasijiet ta’ $5,000 kuljum lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Iżda ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk tażżarda li lil Manuel Delia tirrapreżentah legalment fil-qorti f’kawża dwar id-drittijiet umani ta’ dawk li għażlu li jipprotestaw fil-Belt Valletta dwar Daphne Caruana Galizia u li l-gvern qed jipprova jfixkilhom.
Għandi ngħid li lil Karol Aquilina m’għandix minn fejn inħallsu u li dan qed jaħdimli b’xejn.
Pierre Portelli ma elaborax, iżda nażżarda ngħid li fir-“relazzjoni professjonali” li għandu ma’ Yorgen Fenech, huwa ma jaħdimx b’xejn. Ma tkunx ħaġa kbira jekk jirriżulta li, bħala parti minn din ir-“relazzjoni professjonali”, hemm il-proġett ta’ Pierre Portelli li kellu jara lil Adrian Delia jikkontrolla lill-PN.
Il-fatt li s-sinjur għandu aċċess akbar u aħjar għas-setgħa tal-politiċi milli għandhom dawk li bilkemm għandhom biex igħixu, m’huwiex biss wieħed inġust. Huwa wkoll wieħed korrott għaliex huwa l-kawża ewlenija tal-fatt li dawk li jaqilgħuha u jikluha jkollhom iħallsu aktar għall-elettriku minħabba r-regħba tal-miljunarji anki waqt li jibqgħu beżgħanin li jispiċċaw bla saqaf uk0ll minħabba din ir-regħba.
Huwa proprju hawn fejn huwa meħtieġ ftit aktar radikaliżmu bil-għan li jiġu ndirizzati l-problemi maħluqa mill-inugwaljanzi li jeżistu f’pajjiżna. Il-partit politiċi għandhom jiġu finanzjati mill-Istat u d-donazzjonijiet m’għandhomx jiskorru ċertu ammont u dan sabiex l-interessi tas-sinjuruni ma jispiċċawx jieħdu s-soppravvent fuq dawk tal-bqija tal-poplu.
U mbagħad il-kliem “ħbiberiji” u “relazzjoni professjonali” nkunu nistgħu nagħtuhom it-tifsira vera tagħhom. Jiġifieri “korruzzjoni”.
Fit-taqtigħa favur it-twettiq tal-ġustizzja, il-ġlidiet favur il-governanza tajba u favur l-ugwaljanza soċjali jimxu id f’id.
Tal-Moviment Graffitti il-bieraħ urewna t-triq li għandna naqbdu.