Għalkemm xi ġimgħat ilu kien ta l-impressjoni li kien ser jattendi l-qorti biex ikun jista’ jixhed in kontro-eżami, dalgħodu Pierre Portelli naqas li jidher “għaliex ma kienx ġie notifikat”. Iżda l-fatt li ma kienx ġie notifikat u naqas li jitla’ l-qorti ma żammux milli jikteb kliem mimli sarkażmu fil-Facebook. Iżda dan huwa l-Facebook u mhux ir-realtà tal-ħajja.

L-avukat tal-PN, Vince Galea, ukoll qal li peress li Pierre Portelli kien irriżenja mill-PN, ma kienx f’pożizzjoni li jtella’ xhud li ma kienx taħt il-kontroll tiegħu. Issa se jkun jeħtieġ li Pierre Portelli jiġi notifikat formalment u dan sabiex jattendi għas-seduta li jmiss li se ssir fit-2 ta’ Ottubru: sa dakinhar minn jaf kemm għad iseħħu ġrajjiet.

Ippruvaw ifhmu. Din hija kawża li jiena bdejt f’Awissu li għadda sabiex ningħata d-dritt li nwieġeb fuq Net TV għal numru ta’ gideb li xxandru fil-konfront tiegħi. Wara aktar minn sena, il-kwistjoni għadha mdendla quddiem il-qorti.

Iżda l-kwistjoni m’hix dwar il-kawża fil-qorti jew dwar id-dritt li nwieġeb għal inġustizzja li saret fil-konfront tiegħi.

Il-qofol tal-kwistjoni hi li Pierre Portelli issa m’għandux aktar bżonn il-pedana tax-xhieda fil-qorti biex jispara fuq l-għadu. Dan ix-xogħol jista’ jibda jagħmlu bis-saħħa tas-Super One.

U meta xi darba jgħaddi dan il-maltemp – u dan ċertament xi darba ser igħaddi –  x’aktarx ser niftakru f’dik it-tattika li kien juża John Dalli kull darba kien jidher fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista biex jimmina lill-PN.

Issa dawk kollha li kienu għamlu minn kollox biex ħajjet Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru jagħmluhielu infern, f’Settembru tal-2017 ħadu l-kontroll tal-PN u milli jidher m’humiex ser jieqfu sakemm jaraw lill-PN meqrud.

Waqt li John Dalli kien qed imexxi l-kampanja tiegħu bil-barka tas-Super One, Pierre Portelli għall-ewwel darba kien abbanduna l-kariga li kellu fil-PN. Fl-2010 kellu kariga uffiċjali fil-PN, rwol li huwa wieħed kruċjali speċjalment fiż-żmien meta l-partit ikun fil-gvern u bosta mill-mexxejja tiegħu ikunu aktar moħħhom fix-xogħol tal-gvern.

Flimkien ma’ oħrajn, fl-2010 kien qed imexxi lill-PN.

Iżda l-kariga li kellu fil-PN ma damx biex abbandunaha u mar mat-TVM biex jissieħeb ma’ dak li kien is-Segretarju Internazzjonali tal-Labour u mexxej taż-żgħażagħ Laburisti, Joe Mifsud. Abbanduna lill-partit fi żmien diffiċli u reħielu jegħreq għax f’moħħu ħaseb li aktar tard seta’ jerġa’ jissieħeb fih biex isalvah.

Għallinqas hekk ħaseb li kien ser jagħmel. Minflok salvah, lill-PN wasslu sa xifer irdum li ebda partit politiku f’Malta qatt ma resaq lejh.