Għandu mnejn ikun jum interessanti fil-qorti llum. Lil Pierre Portelli għandha ssirlu kontro-eżami fil-kawża li jien kont għamilt f’Awwissu li għadda kontra l-PN għar-raġuni li huwa – b’ammissjoni tiegħu stess – iddeċieda li ma jxandarx stqarrija b’risposta għal rappurtaġġ qarrieqi minn naħa ta’ Net TV. Dawn kienu qalu li jien kont gdibt dwar Adrian Delia u gidbu wkoll dwar dak li kont għidt.
Il-qofol tal-istorja hu li jekk taħsbu li bir-riżenja drammatika tal-lejl li għadda, Pierre Portelli ċeda l-armi jew għamel xi rtirata b’dinjità, jkun aħjar jekk terġgħu taħsbuha sewwa.
Erġgħu agħtu daqqa t’għajn lejn il-kontenut tal-ittra tiegħu.
F’ebda ħin ma jerfa’ r-responsabbiltà għall-istat miskin li jinsab fih il-PN. Lanqas ma jfittex li jipproteġi lill-kbir mexxej elett demokratikament mit-tesserati għar-raġuni li huwa stess sar aljenazzjoni kbira għall-kampanji favolużi ta’ Adrian Delia.
Pierre Portelli mhux talli ma ċediex l-armi iżda jidher li l-armi lest jużahom biex jipprova jeqred lil dawk li f’għajnejh huma l-għedewwa.
Pierre Portelli jidher li se jkompli għaddej b’dak li ilu jagħmel f’dawn l-aħħar xhur: jispara fuq dawk li ilhom jivvutaw PN kemm ilhom ħajjin bħallikieku jixtieq li jagħtihom raġuni jew motivazzjoni biex ma jkomplux jivvutaw lil dan il-partit. Fl-ittra tar-riżenja tiegħu kiteb li, issa li ħalla l-impjieg tiegħu mal-PN, jibqa’ “Malti u Nazzjonalist” li għandu l-libertà kollha li jweġġa’ lil kull min f’għajnejh huwa għadu tiegħu.
Il-fatt juru li ma nbidel kważi xejn. Waqt li kien fl-impjieg mal-PN, għamel użu sħiħ tal-kariga tiegħu fin-Net TV biex jissodisfa l-fissazzjonijiet li għandu. Nista’ nsemmi l-mod kif ipprova jikkalunja lill-attivisti tal-Occupy Justice billi għajjarhom frodisti u qattiela tat-trabi. Insemmi wkoll il-mod kif kien jordna lill-ħaddiema ta’ taħtu biex jinjoraw kull storja relatata mal-attiviżmu ta’ kontra l-korruzzjoni. U anki l-mod dwar kif kien jordna lill-ħaddiema biex jinjoraw il-fatt li ġurnalista, li kienet kittieba regolari fil-ġurnali li fl-imgħoddi kellu rabta magħhom, ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba x’aktarx minħabba l-istejjer li hi kienet kitbet u li kien xandarhom huwa stess.
Ilu għaddej b’kruċjata personali biex mingħalih ipatti għall-fatt li huwa ħafna inqas kwalifikat milli jaħseb għall-kariga li kellu: mhux biss m’għarafx jikkontrolla l-lanżit li għandu iżda jinsab ukoll mikul bil-għali għax ntebaħ li fil-professjoni tiegħu m’għandux il-ħiliet li għandu ħaddieħor.
Huwa l-Qaddis Patrun tal-Medjokritajiet u jinsab lest li jiġġieled battalja għan-nom tagħhom.
Il-bieraħ filgħaxija tgħidx kemm tbaqbaq waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv. Għandu l-istess fissazzjoni patetika ta’ tant irġiel b’moħħ ċkejken – irġiel li Daphne Caruana Galizia kienet ixxommhom u tqaxxarhom permezz tal-kitba tagħha – li kienu mġiegħla jiffokaw u jwaħħlu fuq mara waħda l-fissazzjonijiet, il-frustrazzjonijiet u n-nuqqasijiet tagħhom.
Qalilhom li dak li seħħ kien kollu tort ta’ Daphne Caruana Galizia minkejja l-fatt li din ilha nieqsa għal dawn l-aħħar 20 xahar. Qal ukoll li din riedet teqred lil Adrian Delia. Apparti l-fatt li diskors bħal dan ma jaqbel xejn mal-karattru li kellha, kien missu wera’ ndiema li għażel li jinjora l-parir li kienet tagħtu u li jagħti każ it-twissijiet tagħha li kien qed jappoġġja żiemel li kien ser ikisser l-aħħar tama għad-demokrazija Maltija: il-Partit Nazzjonalista.
Kienet wissietu biex iħaddem moħħu u mhux jappoġġja baħnan mimli dellijiet li ma kellu esperjenza ta’ xejn, la fil-politika attiva u wisq inqas fit-tmexxija ta’ partit politiku.
Kienet wissiet lilu fl-istess waqt li wissiet lilna li kienet se xxandar dak kollu li kienet taf dwaru. Huwa ma tahiex widen. Kif ma tawhiex widen il-biċċa ‘l kbira tat-tesserati. Bosta minn dawn it-tesserati issa qed jisgħobbihom li kienu njoraw it-twissijiet tagħha: dawn issa qed jifhmu s-sinjifikat tal-istejjer li kienet xandret u għandhom indiema li spiċċaw ngidmu meta għażlu lil min dak il-ħin deher bħala bniedem frisk u eċċitanti. Bniedem li mal-medda taż-żmien inkixef ta’ li hu: nkompetenti, mkabbar u tal-mistħija.
Ċertament Pierre Portelli m’huwiex għaref daqs dawk it-tesserati migduma. F’għajnejh, ħaddieħor li kkritika l-għażla tiegħu għal mexxej tal-PN m’għandux raġun u jinsab determinat li lil dawn iweġġagħhom talli ma jarawx għajn m’għajn miegħu.
Daphne Caruana Galizia qatt ma kienet mira faċli għalkemm issa m’għadhom jidwu l-argumenti tagħha, l-analiżi ċara li kellha tal-fatti u dixxerniment tagħha. Huwa aktar faċli għalih issa li jwaħħal fiha. U forsi li issa wieħed jista’ japprezza aktar dwar kif tan-Net u tas-Super One saru qishom leħen wieħed f’dak li huwa rappurtar dwar il-korruzzjoni, dwar l-imġieba ħażina u dwar il-medjokrità patoloġika li teżisti fis-servizz pubbliku. Eżatt bħal Joseph Muscat, Pierre Portelli għadu jitħassar lilu nnifsu minħabba l-kritika “iebsa” ta’ Daphne Caruana Galizia.
M’għandniex xi ngħidu, r-rabja ta’ Pierre Portelli ma tiqafx hemm. Għad għandu lista twila bl-ismijiet ta’ dawk li għad irid ipattihielhom. Waqt il-laqgħa tal-Kunitat Eżekuttiv, lil tal-Occupy Justice xliehom li riedu jimminaw lil Adrian Delia. Bħas-soltu, fehemha minn sieqha. Occupy Justice inħoloq biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas totali ta’ Adrian Delia li jieħu azzjoni dwar l-assassinju ta’ ġurnalista. U ta’ din in-nuqqas ta’ azzjoni huwa responsabbli Pierre Portelli daqs kemm jaħti għaliha Adrian Delia.
Dak il-grupp ta’ nisa li refa’ r-responsabbiltà li jiġġieled il-ġlieda li hu ddeċieda li jirrinunzja għaliha m’hemmx dubju ser ikunu fil-mira ta’ Pierre Portelli.
Il-bieraħ filgħaxija lili semmieni wkoll. Fetaħ attakk fuq dawk il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv li ażżardaw ikellmu lili, talli ażżardaw ikunu l-avukati ta’ organizzazzjoni li jien nagħmel parti minnha u talli dawn ażżardaw li jiddefeduni fil-qorti.
Jekk int mingħalik li Pierre Portelli rriżenja għax iddeċieda li ma jkomplix jagħmel il-ħsara lill-PN, aħjar terġa’ taħsibha sew. Ara ma tmorrux taħsbu li din ir-riżenja saret biex twitti t-triq biex Adrian Delia jwarrab ukoll. Irriżenja biex il-gwerra jkompliha minn barra d-Dar Ċentrali.
M’hemmx dubju li f’dan ir-rwol ġdid, mhux ser jaqta’ sandar. Il-battalji politiċi ma tistax tiġġilidhom jekk tkun maqtugħ mir-realtà. U dan kien il-gwaj ta’ Pierre Portelli minn dakinhar li ddeċieda li jinjora l-parir li kienet Daphne Caruana Galizia biex iżomm ‘il bogħod minn Adrian Delia.
Illum suppost għandu jitla’ jixhed. Mhux l-ewwel darba li telgħa l-qorti biex jitkellem kontra għedewwa li jinsabu fl-immaġinazzjoni tiegħu. Jista’ jkun li llum ser jagħmel l-istess ħaġa. Issa aktar u aktar li m’għadux nominalment responsabbli għall-ħsara li għamel lill-partit li hu jgħid li tant iħobb.