Joseph Muscat qal li l-fatt li l-Bank of Valletta issa ġie projbit milli jinnegozja bid-dollaru Amerikan ifisser li l-bank sejjer tajjeb. X’ried jgħid biha din l-istqarrija jien ma nafx. U għax ma nafx, lill-Prim Ministru se nistaqsih mistoqsija supplimentari: li kieku l-BOV ma kienx sejjer tajjeb, kien jistenna’ li l-bank jibqa’ jżomm miegħu l-banek korrispondenti bil-għan li jkun jista’ jsarraf id-Dollari Amerikani?

Il-verità hi li s-sitwazzjoni għall-BOV issa saret waħda ta’ serjetà kbira. Kif sewwa rrappurtat it-Times of Malta tal-lum, għal xhur sħaħ kienu għaddejjin xniegħat li ING kien bi ħsiebha taqta’ r-rabtiet kollha mal-BOV fejn jidħol in-negozju msejjes fuq id-Dollaru Amerikan.

Wieħed jista’ jassumi li l-BOV ilu żmien mhux ħażin jara kif jagħmel biex ifittex sostitut għall-ING. Wieħed jistenna wkoll li l-BOV kien beda’ jfittex sostitut żmien qabel ma’ spiċċa b’bank korrispondent wieħed biss. Id-dipendenza tal-BOV fuq bank korrispondent wieħed ħoloq ir-riskju li issa daħal fih: spiċċa b’xejn.

Il-proċess ta’ de-risking ma jinbediex għax tkun sejjer tajjeb, kif ipprova jalludi l-Prim Ministru llum. Proċess ta’ de-risking ifisser li tispiċċa barra għax iqisuk bħala riskju.

Forsi l-Prim Ministru ried igħid li mhux għal kollox tort tal-Bank of Valletta li dan spiċċa ġie klassifikat bħala bank riskjuż għall-banek korrispondenti.

Huwa evidenti li ma jistax ikun ċar fi kliemu. Għax inkella jkun irid joqgħod ifiehem lill-Bank of Valletta qed jarawh bħala riskju inaċċettabbli għaliex jinsab taħt il-kontroll ta’ gvern immexxi minn Ministri li joħolqu kumpanniji sigrieti fil-Panama u li kienu daru d-dinja biex jaraw kif se jevitaw il-liġijiet dwar il-ħasil tal-flus maħmuġin. U wkoll għaliex il-Bank of Valletta jinsab regolat mill-istess awtorità regolatorja li rregolat lill-Pilatus Bank, lis-Satabank u lin-Nemea Bank.

Sakemm ma jinstabx tarf ta’ din il-kobba mħabbla immedjatament billi jinstab bank korrispondent ieħor li jista’ jieħu post l-ING li, sa Diċembru li ġej, jkunu qatgħu kull rabta mal-BOV, il-konsegwenzi ser ikunu tal-akbar serjetà.

Bħala eżempju, agħtu ħarsa lejn l-‘aviation cluster’ li tant issemma’ mill-gvern fil-kuntest tal-ftehim li ntlaħaq mar-Ryanair għat-twaqqif ta’ kumpannija sussidjarja bl-isem Malta Air, li se tidħol fl-għalqa tal-linja nazzjonali Air Malta.

Tgħid ser ikun il-Bank of Valletta li ser jiftaħ il-kontijiet bankarji tal-Malta Air? Jew ser ikun l-HSBC li jagħmel dan? Hemm xi bank Malti li ser jikkunsidra lill-Malta Air bħala riskju aċċettabbli?

Hu x’inhu, kull min jaħdem fl-industrija bankarja jaf li kull linja tal-ajru tkun teħtieġ banek korrispondenti li jaħdmu bid-Dollaru Amerikan għar-raġuni li l-kiri tal-ajruplani u n-negozju kollu li jsir madwar id-dinja fejn jidħol l-aviation fuel isir esklussivament permezz tad-Dollari Amerikani.

Dan ifisser li l-Malta Air tista’ tibda’ fuq sieq waħda. Għaliex liema bank ser jidħol biex jiftaħ kontijiet bankarji għal linja tal-ajru meta, malli jgħaddi l-Milied, ser jibqa’ d-dubju dwar jekk jistgħux jibqgħu jiġu proċessati ħlasijiet internazzjonali?

Joseph Muscat għandu jkun aktar inkwetat milli jippermettilna nemmnu li hu.

U kemm aħna daqshekk ċerti li kollox ward u żahar fil-BOV?

Din il-ġimgħa xxandret aħbar stramba li l-BOV applikat biex toħroġ bond ta’ €50 miljun. Dawn il-bonds m’humiex assikurati li jfisser li l-kapital li jiġi investit jista’ jintilef jekk ifalli l-bank. Madankollu l-interessi li qed jiġu offruti huma l-istess bħal dawk li huma offruti minn bonds assikurati. X’inhi din il-biċċa?

Nitkellmu dwar dan is-suġġett darb’oħra.