L-Imħallef Giovanni Grixti qabel mal-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona li l-inkjesta dwar il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet tal-istatli kienet ġiet ordnata mill-Maġistrat Claire Zammit Stafrace m’għandhiex tibda’ sakemm jinqata’ l-appell li għamlu wħud minn dawk suspettati — jiġifieri l-Ministri.
Dan id-digriet ingħata minkejja l-fatt li r-raba’ suspettat, ċertu Ivan Vassallo, kien baqa’ m’appellax mid-digriet tal-Maġistrat li permezz tiegħu ordnat li tinbeda’ inkjesta kriminali.
Illum l-Imħallef Giovanni Grixti qal li r-reġistratur tal-qorti jista’ minn issa jibda’ l-proċess sabiex jintagħżel bil-polza l-Maġistrat li għandu jmexxi l-inkjesta — ħaġa li, skont il-liġi, messha saret ftit anqas minn ħmistax ilu – iżda l-Maġistrat li jitla’ bil-polza mhux ser jingħata kopja tal-proċess tal-qorti biex ix-xogħol ikun jista’ jinbeda’.
Minflok, il-proċess tal-qorti li jinkludi r-rapport ta’ madwar 150 paġna miktub minn Repubblika dwar l-attivitajiet allegatament kriminali li seħħew meta saru dawn il-privatizzazzjonijiet, ser jinżamm maqful fl-uffiċju tal-Imħallef Giovanni Grixti sakemm huwa jiddeċiedi dwar l-appelli tal-Ministri.
Id-digriet li ta llum l-Imħallef Grixti huwa finali.
L-Imħallef issa huwa mistenni li jisma’ l-appell tal-Ministri li permezz tiegħu qed jitolbu li d-digriet tal-Maġistrat jiġi revokat.
Id-digriet li ngħata llum ifisser li, kemm il-darba l-Ministri jirbħu l-appell, inkjesta tibqa’ ma ssirx anki jekk wieħed mis-suspettati baqa’ ma appellax mid-deċiżjoni tal-Maġistrat.
F’Jannar li għadda l-Imħallef Giovanni Grixti kien irrevoka deċiżjoni simili ta’ Maġistrat ieħor — Ian Farrugia — li permezz tagħha kien ġie ordnat il-ftuħ ta’ nkjesta dwar dak li nkixef permezz tal-Panama Papers. Dakinhar kien qal li dak li kien ressaq l-ilment u li kien ikkonvinċa lill-qorti li jingħata bidu għal inkjesta, ma kienx ġab prova li kien seħħ reat kriminali. Dak li kien ressaq l-ilment ma kien ħadd ħlief Simon Busuttil u l-Imħallef kien irrevoka d-digriet tal-Maġistrat li kien ordna t-tnedija ta’ inkjesta.
Minn dakinhar ‘l hawn, Simon Busuttil u Repubblika – it-tnejn għal rashom – ippreżentaw ilmenti ġodda dwar il-Panama Papers u Maġistrat ieħor ukoll deherlu li kien hemm biżżejjed materjal biex tinbeda’ nkjesta. Is-suspettati, inkluż Konrad Mizzi, ma kienux appellaw mit-tieni digriet li kien ordna l-bidu ta’ inkjesta dwar il-Panama Papers.