Kull tant żmien ikun jeħtieġ li jerġa’ jittella’ dan ir-ritratt.
Din id-darba se nitkellem dwar Engelbert Grech li kien il-Kummissarju tal-Films — jiġifieri l-kap tal-entità governattiva li tippromwovi l-industrija tal-films — u li issa huwa sid ta’ negozju privat li jipprovdi servizzi ta’ produzzjoni tal-films għal produtturi internazzjonali.
F’dan ir-ritratt huwa jidher fuq il-lemin estrem faċċata tal-kap tal-kapijiet u tal-konsulent tiegħu li jokkupa r-rwol kostituzzjonali ta’ prim ministru.
F’dan ir-ritratt ukoll jidher is-suċċessur tiegħu bħala Kummissarju tal-Films, Johann Grech. Dan huwa dak li jidher qed jitbaxxa taħt driegħ Kurt Farrugia li jidher fit-tarf tal-mejda (kos, min jaf huwiex bil-wieqfa fuq xi kaxxa tal-birra?).
Aqraw id-dettalji f’dan ir-rapport imxandar fit-Times of Malta.
Minħabba l-mod moqżież li biħ ġew trattati xi extras waqt il-ġbid tal-film, numru ta’ whistleblowers kuraġġjużi rriżenjaw bi protesta. Ma’ dawn l-extras Afrikani ġabu ruħħom bħallikieku kienu lsiera f’xi gżira fil-Karibew.
M’hux bi ħsiebni noqgħod nidħol f’ħafna dettalji għax ir-rapport imxandar fit-Times of Malta jitkellem waħdu. Biżżejjed wieħed isemmi li saħansitra anki mat-tfal ġabu ruħħom b’imġieba tal-mistħija — ħallewhom neqsin mill-ikel u mix-xorb għal sigħat twal u ma ħallewhomx jaqdu l-bżonnijiet naturali tagħhom.
U b’daqshekk? Dawn mhux suwed jewwilla?
Lit-Times of Malta, Engelbert Grech qalilha li “ma kien hemm xejn illegali” – skuża konvenjenti li ta’ spiss joħorġu biha l-ħallelin. Dawn in-nies jafu li ma jista’ għalihom ħadd u l-alla tagħhom huwa biss il-qliegħ tal-flus.
Lit-Times of Malta, wieħed mill-ħaddiema qalilha li “ħajjithom kienet fil-periklu. Kont imwerwer li seta’ jiġrilhom xi ħaġa”.
Taħsbu li għad jista’ jkun hemm xi uffiċjal tal-infurzar tal-liġijiet li se jażżarda jibgħat għal Engelbert Grech meta jsir jaf għal-liema festini tal-Milied dan iħobb jattendi? Taħsbu li Johann Grech se joqgħod iħabbel rasu biex jiżgura li l-operaturi jġibu ruħħom b’mod xieraq mal-ħaddiema, indipendentement mill-kulur tal-ġilda tagħhom?