Il-filmat li xxandar ta’ Brian Hansford li fih jidher jagħti parir lis-segwaċi ta’ Adrian Delia dwar il-mod kif jistgħu jagħmlu pressjoni fuq id-deputati Nazzjonalisti m’hu xejn ħlief xhieda ħajja dwar kemm dan il-bniedem hu ċuċ. Ilna nafu li Hansford, li jmexxi programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, huwa biċċa għodda f’idejn il-Partit Laburista li qed iservi l-interessi ta’ dan il-partit. Issa nafu wkoll li l-ħeġġa li għandu għelbitlu l-ħtieġa li jżomm pass lura u wasslitu biex jinfexx fuq il-Facebook.
Ftakru ftit x’kien kiteb Brian Hansford fi Frar 2018 hu u jmexxi kampanja kontra d-dħul ta’ liġijiet li jħarsu lill-ġurnalisti Maltin kontra l-kawżi SLAPP. X’aktarx li qatt m’hu ser ikollu l-opportunità li jħarreġ lis-segwaċi ta’ Adrian Delia dwar kif għandhom jintimidaw lill-grupp parlamentari tal-PN.
Robert Musumeci kiteb biex juri s-solidarjetà tiegħu mal-propagandist ħabib tiegħu. ‘M’għandekx fuqhiex tħabbel rasek’ qallu. ‘Lanqas li ser ikeċċuk mill-PBS.’ Robert Musumeci żelaq fin-niexef.
Hekk hu, Brian Hansford mhux ser jitneħħielu l-programm tiegħu minn fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali. Dan il-programm huwa meħtieġ biex ikun jista’ jagħti palata lill-manipulazzjoni tal-PN permezz tat-tixwix. Mhux ta’ b’xejn li Simon Mercieca qed jingħata dak l-ispazju kollu fil-programm ta’ Brian Hansford biex joqgħod jimmalafama bi stil faxxista lill-attivisti favur id-demokrazija f’Malta u jehda fil-paranoja. Brian Hansford dan isejjaħlu “realtà”.
F’pajjiż normali ieħor, dakinhar li jixxandar filmat ta’ ġurnalist jagħti l-“għajnuna” (kif sejjħilha Brian Hansford biex mingħalih ibenġilha) lil attivisti f’attività politika li dwarha kien qed jirrapporta għall-programm televiżiv tiegħu, ġurnalist bħal dan jitkeċċa dak il-ħin stess.
Iżda Brian Hansford huwa kollox barra ġurnalist. Huwa propagandist liebes l-ilbies ta’ ġurnalist. Ma’ ġara’ xejn, mela.