Elf jum ilu Daphne Caruana Galizia nqatlet permezz ta’ karrozza-bomba ftit passi ‘l bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija. Kienet ġurnalista formidabbli li kienet tgawdi l-fiduċja ta’ għejjun li kienu jidħlu f’ħafna riskji biex igħinu fix-xogħol tagħha u li kellha eluf ta’ qarrejja f’pajjiż li kien jiddependi fuqha biex isir jaf x’kien qed jagħmel il-gvern. Kienet kitbet storja wara oħra dwar skandli wara skandli. L-investigazzjonijiet tagħha kienu jkunu akkumpanjati minn kummentaju inċiżiv, analiżi preċiża, satira traġi-komika u stil ta’ kitba ta’ kwalità li pajjiżna qatt ma ra bħalu.
Tul ħajjitha kienet ġiet rikonoxxuta bħala waħda mill-aktar persuni influwenti Ewropej. Kienet ikkoperat ma’ ġurnalisti ewlenin li kienu jikkonsultaw magħha biex setgħu jifhmu aħjar il-kriminalita u l-korruzzjoni li teżisti f’Malta. L-aħħar snin ta’ ħajjitha qattgħathom tikxef il-konġura kriminali li ħakmet lill-istituzzjonijiet Maltin bis-saħħa tal-appoġġ popolari. Iżda kienet hi li, minn stadju pjuttost bikri, kienet intebħet bil-ħolqien ta’ din il-konġura li tlibbset il-maskra ta’ governanza demokratika.
Minħabba l-kritika tagħha fil-konfront tat-tmexxija tal-Partit Laburista fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013, kienet ġiet mixlija nġustament b’turija ta’ lealtà nostalġika għall-PN. Iżda kienet laqtet il-musmar fuq rasu bl-analiżi tagħha fis-sens li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ politiċi fil-PL kienu daħlu għall-ħajja politika biex jistagħnew malajr. Fost l-aħħar kitbiet tagħha insibu stejjer dwar il-ħatra tal-mexxej il-ġdid tal-PN. U, għal darb’oħra, seħħ dak li kienet bassret dwar il-konsegwenzi gravi ta’ din il-ħatra. Madankollu, fiż-żmien meta kienet kitbet dawn l-istejjer, għal darb’oħra ġiet akkużata b’mibgħeda u li kienet qed teżaġera.
Daphne Caruana Galizia issa ilha mejta elf jum. Iżda minn dakinhar li nqatlet ‘l hawn, ix-xogħol tagħha, l-kitbiet tagħha u l-impatt tal-investigazzjonijiet li kienet għamlet influwenzaw bil-kbir il-ġrajjiet li seħħew f’Malta u lil hinn minnha. It-tmiem ħesrem ta’ ħajjitha kisser il-qafas tal-politika f’Malta u ppreżenta sfida lil sistema politika li tiddependi mill-finanzjament tan-negozjanti u, agħar minn hekk, ta’ klikka ta’ kriminali li jisfruttaw il-kuntatti tagħhom mal-politiċi biex igawdu mill-impunità. Tul ħajjitha kienet fetħet għajnejn in-nies dwar dak li kien qed iseħħ fil-pajjiż minn wara daharha.
Il-qtil ta’ Daphne serva ta’ xprun biex in-nies tqum u terġa’ tirbaħ lura lill-pajjiż. Kienet hi li saħqet li l-frott tar-reżistenza politika mhix l-elezzjoni li jkun imiss iżda l-futur li fih mhux dejjem jirbaħ il-ħażen. Għax-xogħol li wettqet tħallset bi qtil vjolenti u ħalliet legat ta’ qsim il-qalb għal żewġha, għal uliedha, għall-ġenituri tagħha, għal ħutha, għan-neputijiet tagħha, għal ħbiebha, għall-ammiraturi tagħha, għall-qarrejja tagħha u għall-kollegi tagħha.
Il-qtil ta’ Daphne serva wkoll biex ħutha l-Maltin tgħallmu jissieltu kontra l-ħallelin li kienu serqulhom il-ġejjieni tagħhom u li ħatfulhom is-sens ta’ kburija u r-rispett lejhom infushom li huma meħtieġa sabiex inkunu nistgħu ninsistu li m’aħniex ilkoll kriminali. Il-qtil ta’ Daphne reġa’ nissel it-tama li għad jisbaħ jum aħjar. Kienetintebħet ferm qabel kulħadd dak li l-pajjiż kien ser jgħaddi minnu u sal-aħħar jum ta’ ħajjitha għamlet użu mill-unika arma li kellha – il-pinna tagħha – biex, f’ġieħ uliedna, tinkoraġġina biex nibqgħu nissieltu.
Għaddew elf jum mill-qtil ta’ Daphne.
Għaddew elf jum imnebbħin minnha.
Għaddew elf jum miktubin bis-saħħa tal-pinna tagħha.
Għaddew elf jum ta’ niket.
Għaddew elf jum ta’ rabja.
Għaddew elf jum ta’ disfatti.
Għaddew elf jum ta’ rebħiet.
Għaddeww elf jum ta’ tama.
Għaddew elf jum ta’ Daphne u għal Daphne.