Il-vot li ttieħed jumejn ilu fil-grupp parlamentari tal-PN seta’ ttieħed sena jew sentejn ilu. Seta’ ttieħed saħansitra qabel Adrian Delia ġie elett bħala Kap tal-Partit f’Settembru 2017. Jum qabel l-elezzjoni għall-kariga ta’ Kap tal-Partit, Simon Busuttil kien pubblikament ta parir lil Adrian Delia biex ma jtellaqx.

Ma nafx kemm il-darba tkellimna dwar ir-raġunijiet il-għala kien messu ma tellaqx. Inqabad jigdeb diversi drabi. Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma tagħmel ebda sens. M’għandux idea dwar kif politika għandha titfassal. Jinsab taħt suspett li fl-imgħoddi ħasel flus maħmuġin ġejjin minn attività kriminali. Dan kollu kien magħruf minn qabel ġie elett. L-unika attrazzjoni li kellu kienet li kien “ġdid” u li qatt ma kien imdaħħal fil-politika qabel iddeċieda li jtellaq għall-ogħla kariga. Dan biss messu kien biżżejjed biex naffar lil min seta’ tħajjar jivvutalu.

Issa reġa’ nqabad jigdeb. Wara li ċaħad ripetutament li kien ikkomunika ma’ Yorgen Fenech wara li tfaċċaw l-istejjer marbutin mas-17 Black, irriżulta li dan ma kien minnu xejn u li hu kien baqa’ f’kuntatt miegħu.

Dan kien diġà biżżejjed. Iżda kien fadal x’jitla’ fil-wiċċ.

Eżatt bħalma kien għamel meta xxandret l-istorja dwar Soho, huwa fetaħ attakk fuq ġurnalista u kontra l-ġurnal li xandar l-istorja u xela’ lil Jacob Borg u lit-Times of Malta b’konġura biex itajjruh: konġura ma’ min? Konġura flimkien mal-għedewwa tiegħu fil-partit? Konġura mal-pulizija? Konġura ma’ tal-Labour? Bħal dejjem Adrian Delia ma tantx semma’ dettalji. Iżda kien ċar li kellu l-intenzjoni li jgħaddi romblu minn fuq min jażżarda jiqaflu.

Dan ma kienx biżżejjed. Eżatt bħalma kien għamel dakinhar li xxandret l-aħbar li qed issir investigazzjoni kriminali dwaru, huwa mar għand il-pulizija u għamel rapport frivolu biex jiddevja l-attenzjoni minn fuqu għal fuq ħaddieħor.

Lanqas dan ma kien biżżejjed. Wara li seħħ il-vot ta’ sfiduċja u wara li tilfu bil-kbir u meta beda’ jidher ċar li kien ser jibqa’ f’postu biex ikompli jkisser lill-PN, ġie jaqa’ u jqum altament.

Ejjew nerġgħu insemmu l-ħames punti. Baqa’ f’kuntatt ma’ persuna li hi magħrufa li xxaħħam lill-politiċi. U gideb b’mod sfaċċat dwar dan. Ipprova jintimida lill-ġurnalisti u ttanta jġiegħelhom jikxfu l-għejjun tagħhom. Abbuża mill-awtorità tiegħu u mmobilizza lill-pulizija kontra l-għedewwa tiegħu. Injora lill-kollegi tiegħu u mpona r-rieda tiegħu fuq sħabu kontra kull parir li ngħata.

Bniedem bħalu, lanqas karrozza sekondaman ma tażżarda li tixtri mingħandu. U bejjiegħ ta’ karrozzi sekondaman lanqas tgħaddilu minn rasu li jbiegħlu waħda. Ma’ kull jum li jgħaddi li fiha jilgħabha tal-vittma, Adrian Delia qed juri li s-servizz pubbliku ma kienx igħodd għalih.

Bosta mill-ħbieb tiegħi ħadu r-ruħ issa li l-grupp parlamentari tal-PN waqflu u wrieħ li ma jgawdix l-appoġġ tiegħu. F’għajnejn il-poplu, l-biċċa l-kbira tad-deputati Nazzjonalisti għamlu dak li kien mistenni minnhom u formalment infirdu minn ma’ Adrian Delia. Minn issa ‘l quddiem, jistgħu jitkellmu bil-libertà.

Ma kellhomx għażla oħra. Għamlu dak li kellhom u li setgħu jagħmlu. Iżda l-problema għadhom ‘il bogħod milli jsibu tarfha.

Mhux ser jinstab tarf tal-ġenn li hemm f’moħħ Adrian Delia. Li kieku kellu nitfa sens u jwarrab issa, kien ikollu biżżejjed sens li jwarrab ħafna aktar kmieni; u kien ukoll ikollu biżżejjed sens li jibqa’ lura milli jtellaq għall-kariga. U issa jrid ikisser lill-PN akkosta ta’ kollox. Sal-lum għad hawn min igħid li s-sitwazzjoni “m’hix ħażina daqs kemm qed titpinġa”. U għad hawn min qed jittama li għad jiġi f’sensih u li, jekk dan ma jseħħx, is-segwaċi tiegħu jispiċċaw biex jabbandunawh.

Mill-perspettiva tiegħu, huwa jinsab taħt assedju. U issa ntebaħ li m’hemmx minn fejn jista’ jiskappa u allura Adrian Delia ddeċieda li jibqa’ f’postu biex ikun jista’ jagħmel l-akbar ħsara possibbli lill-PN.

Titnikket meta tara li dawk li jippretenduha li għandhom imħabba bla limitu għall-PN għandhom ma ntebħux kemm Adrian Delia jobgħod lill-PN. Huwa jobgħod lill-PN għax jemmen li l-Partit ma japprezzax il-kobor tiegħu bl-istess mod li japprezzah huwa stess u għaldaqstant il-PN ma ħaqqux li jitmexxa’ minnu. Jobgħod lill-PN għaliex il-fantasiji ta’ moħħu ma seħħewx: quddiemu għadu qatt ma rax folol ta’ eluf iċapċulu bħalma kienu jaduraw u jċapċpu lil Eddie u lil dawk li leħqu warajh.

Għandu mibgħeda kbira lejn il-PN u, ġaladarba ntebaħ li m’għandux il-ħila li jwasslu fejn jixtieq iwasslu, ser jagħmel minn kollox biex ifarrku.

Partit b’żewġ mexxejja rivali; qasma fil-grupp parlamentari; kwistjonijiet legali dwar il-regoli tal-istatut tal-partit; il-possibilita li d-19 il-deputat li vvutaw kontrih jitkeċċew mill-PN: dawn huma kollha żviluppi li huma probabbli.

Adrian Delia – il-kompliċi tal-Partit Laburista; il-qaddej leali ta’ Keith Schembri u ta’ Yorgen Fenech; il-paraventu ta’ Joseph Muscat biex igħatti d-dnubiet tiegħu – Adrian Delia għadu ma lestiex.

X’imkien qrajt kumment fis-sens li ma nistgħux neskludu li Adrian Delia huwa aġent tal-Partit Laburista. Dawk li issa dan qed jemmnuh huma l-istess nies li riedu jisimgħu t-tapes ta’ Melvyn Theuma qabel setgħu jaċċettaw li l-uffiċċju ta’ Joseph Muscat b’xi mod kellu x’jaqsam mal-assassinju ta’ Daphne. Dawn huma l-istess nies li l-korruzzjoni jkunu jridu jarawha b’għajnejhom u jmissuha b’idejhom qabel jibdew jaċċettaw li hemm xi ħaġa li mhix iddoqq.

Jekk int wieħed minn dawk li ntbaħt proprju issa li Adrian Delia kien aġent ta’ interessi korrotti, dan ifisser li l-blog ta’ Daphne ma kontx qed taqrah f’dak is-sajf li fih kien ikkontesta għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit. X’aktarx kont wieħed minn dawk li baqgħu “newtrali” u segwejt dak li kien qed igħid ħaddieħor waqt li Daphne kienet qed tikteb l-istejjer tagħha.

Hekk kif ħa l-ħatra, Adrian Delia ddeċieda li s-7,000 ruħ li tellgħuh ma kienux talbuh jipperswadi lill-170,000 ruħ l-oħra biex jagħmluh prim ministru; għalih kien biżżejjed li nħatar kap tal-partit.

L-uffiċċju tiegħu imexxieh bħal kull dittatur dekadenti: għajjat u twerżieq mal-ħaddiema tal-uffiċċju tiegħu u theddid ta’ tkeċċija saħansitra anki lill-konsulenti tiegħu fil-preżenza tal-ħaddiema tal-uffiċċju.

L-imġieba tiegħu kienet waħda ta’ tħassib. Xi drabi kien jidħol filgħodu fl-uffiċċju tiegħu b’borża f’idejh mimlija bi flus kontanti u kien jagħti struzzjonijiet lis-segretarji biex dawn jiddepożitaw il-flus f’diversi kontijiet bankarji personali. Qatt ma kien jispjega minn fejn kienu ġejjin dawn il-flus kontanti.

Kienu bosta dawk il-ħaddiema li kienu jaħdmu fl-uffiċċju tiegħu li ddeċidew li jitilqu wara biss ftit ġimgħat u xhur mill-ħatra tiegħu. F’Settembru 2017, dawn kienu ngħaqdu mal-ħaddiema tal-uffiċċju tal-mexxej il-ġdid tal-PN għax ħasbu li kienu ser jibdew paġna ġdida fil-ħajja tal-partit li tant iħobbu. L-ewwel ħaġa li naffrithom kienet id-diżastru li sabu fl-uffiċċju tiegħu. Il-ħinijiet tax-xogħol tiegħu ma kienux fissi u saħansitra ma kienx iżomm djarju tal-appuntamenti. Lil dawk li jkunu jridu jkellmuh, kienu jgħidulhom jiġu mingħajr appuntament u kienu jispiċċaw jistennew għal sigħat sħaħ, ħafna drabi ta’ xejn. Ġieli wkoll kien jisparixxi mill-uffiċċju u ħadd ma kien ikun jaf fejn jinsab jew f’liema ħin kien bi ħsiebu jirritorna lura.

Meta kien ikun taħt pressjoni kbira, kien jinfexx fil-ġlied u fl-għajjat. Darba minnhom, waqt li l-membri tal-kunsill ġenerali kienu qed jistennewh biex jitfaċċa, dam sigħat sħaħ fl-uffiċċju tiegħu jitħassar lilu nnifsu. Għall-Partit kellu biss diprezz – għaliex, f’għajnejh, hu biss huwa l-Partit.

Dibattiti dwar politika kienu mhux biss rari iżda kienu wkoll inkoerenti. Id-Dar Ċentrali ma baqax dak iċ-ċentru li fih “jintisġu l-ideat” iżda sar iċ-ċentru tal-konfużjoni u tat-taħwid.

Il-manigoldi ta’ madwaru kellhom aċċess liberu għall-uffiċċju tiegħu u, bil-barka tiegħu, dawn qatt ma kellhom għalfejn jieqfu quddiem reception desk tad-Dar Ċentrali: kienu jibqgħu għaddejjin bħallikeku l-bini kien tagħhom.  Il-ħaddiema tal-uffiċċju tiegħu qatt ma rnexxielhom isiru jafu dawn il-manigoldi lill-kap tal-partit f’hiex kienu qed jaqduh. Madankollu kellhom ċertu suspetti.

Id-dettalji tat-tkissir taż-żwieġ tiegħu kien jitkellem dwarhom quddiem il-ħaddiema tiegħu, fost l-iskantament tagħhom. U dawn kienu wkoll xhieda kontra qalbhom tar-relazzjoni li kellu ma’ ġbintu: relazzjoni intima li leħqet il-qofol tagħha mal-art tal-uffiċċju tal-kap tat-tieni l-akbar partit f’Malta.

Fil-preżenza ta’ oħrajn, ma kien jiddardar xejn li jikkomunika fuq il-WhatsApp ma’ Joseph Muscat biex jitolbu l-pjaċiri bħal xi promozzjoni għal xi ħaddiem fis-servizz ċivili. Dawk li kienu preżenti għal din ix-xena ma skantaw xejn meta l-ġimgħa li għaddiet saru jafu li kien avviċina lil Robert Abela u talbu biex inaqqas il-kritika dwar il-ħbiberiji ma’ Yorgen Fenech. Għamel dan bl-iskop li jinqeda’ hu.

Bosta mingħalihom li l-imġieba tiegħu tgħodd għal xi ħadd li għandu l-aspirazzjoni li jsir prim ministru. Imġieba li tfakkrek fl-imġieba ta’ Joseph Muscat meta kien stqarr li jippreferi jmur jiekol il-Burger King milli jattendi għal ċena statali. Muscat kien stqarr dan mhux għax jemmen f’dak li kien stqarr: din l-istqarrija kien għamilha biex jinħabb u biex jidher ħelu ma’ ċerti nies li għandhom din il-mentalità u loġika Mintoffjana li Adrian Delia għamilha tiegħu.

Bħalissa wieħed mid-19 il-deputat qed itella’ u jniżżel għandux jieħu post Adrian Delia bħala kap tal-oppożizzjoni. Jidher li wara l-vot li ttieħed jumejn ilu, din ser tkun deċiżjoni li ma jistgħux jaħarbu minnha. Iżda ċertament m’hix deċiżjoni faċli.

Jekk il-PN jaspira li jkun oppożizzjoni effettiva, l-kap tal-oppożizzjoni l-ġdid jeħtieġ li jassumi l-awtorità fuq il-Partit minflok Adrian Delia. Dan il-proċess jista’ joħloq ħsara rriversibli lill-PN u mhux ser ikun proċess faċli għaliex il-kap tal-oppożizzjoni l-ġdid – b’kuntrast ma’ Adrian Delia – ser ikollu impenn ġenwin mal-partit u ma jkunx irid ikun responsabbli għall-ħolqien ta’ aktar ħsara. Iżda ħadd m’hu ser iwaħħal fih – min hu serju jwaħħal fih innifsu.

Min ser jidħol għall-kariga ta’ kap tal-oppożizzjoni ser jifhem mill-bidu nett li hemm possibilità li jibqa’ ma jinstabx tarf. Għandu jifhem ukoll li t-tkissir tal-partit jista’ jkompli jekk Adrian Delia jitħalla jibqa’ fil-kariga ta’ kap tal-oppożizzjoni.

Il-kandidat potenzjali għandu jkun jaf li għandu l-kredenzjali biex ikun mexxej tal-partit tajjeb, mexxej tal-oppożizzjoni effettiv u prim minstru ħawtiel. Ser ikollu biżżejjed ħila li jnaqqas l-appoġġ li fadallu Adrian Delia. U biex jiżgura li jkun hemm il-leġittimità, il-kap il-ġdid tal-oppożizzjoni jeħtieġ isir ukoll il-mexxej tal-partit u għandu jġib fix-xejn il-gidba li Adrian Delia għandu l-appoġġ tal-għeruq tal-partit.

Adrian Delia minn dejjem kien kap tal-isem biss. Waqt il-kampanja biex jinħataw kap, diskorsu dejjem kien dwar il-mod kif kien ser jaħtaf il-partit minn idejn ħaddieħor u dwar kif kien ser jeskludi lil ħaddieħor. Kien hu li ħoloq fazzjoni li xogħolha kien jeskludi lil ċerti nies mill-partit. Lill-partit, aktar milli mexxieh, qasmu u kissru.

Għalissa, Adrian Delia ser jinqa’ kap tal-partit tal-isem biss. Il-kap tal-oppożizzjoni l-ġdid għandu l-ewwel jaspira li jkun hu il-kap tal-partit u għandu jaħdem ma’ kulħadd b’mod oġġettiv.

Adrian Delia naffar lil ħafna niex mill-partit iżda jeħtieġ li dawn ma jħallux ir-rabja tagħhom tegħlibhom. Is-suċċessur ta’ Adrian Delia mhux ser ikun xi Messija ta’ bla tebgħa. Se jkun espost għall-kritika u inevitabilment ser jagħmel l-iżbalji. Bħal ma kien żbalja Eddie Fenech Adami u dawk li leħqu warajh.

Jeħtieġ nitgħallmu nikkritikaw bis-sabar u b’hekk biss inkunu nistgħu nibdew nittamaw li l-politika, l-partiti u anki l-gvern reġgħu saru forza b’riżq is-sewwa.

Kap tal-Oppożizzjoni ġdid jista’ jerġa’ jroddilna t-tama, inkluż it-tama ta’ dawk li għadhom iħawwdu l-impenn tagħhom lill-PN mal-lealtà għamja lil Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid ikun jeħtieġ li jipperswadi lil dawk li, jumejn ilu, għajjru lid-deputati tal-PN tradituri barra d-Dar Ċentrali li anki huma għandhom jersqu lejh jekk iridu li jseħħ dak li jippridkaw: jiġifieri partit magħqud li jkun lest li jikxef il-korruzzjoni ta’ ħaddieħor u l-korruzzjoni li tinsab fi ħdanu.

Adrian Delia jeħtieġ jitlaq. U wasal iż-żmien li nkomplu t-triq mingħajru.