Waħda mit-trolls tal-Labour Georgina Cardona tgħidx x’kjass qajjmet fuq il-Facebook meta allegat li Repubblika hi waħda mill-għaqdiet li qed jibbenefikaw mill-flus miġburin mill-Community Chest Fund u l-Istrina. Din xandret speċi ta’ lista li fiha tissemma’ Repubblika iżda huwa ċar li dan is-suppost dokument ma fieħx l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet li jgawdu mill-flus li jinġabru.
Din m’hi xejn ħlief gidba ħoxna ġejja minn naħa tal-Kwartier tal-Labour li qed jużaw l-aggressività magħrufa ta’ din il-bniedma biex joħolqu l-ħdura u l-mibgħeda. Din il-gidba tfittex ukoll biex tisfrutta r-razziżmu għaliex Repubblika hi għaqda li ażżardat li tieħu pożizzjoni kontra dawk li ma jaħmlux lis-suwed u lill-barranin.
Repubblika la qatt talbet, la qatt offrewlha u lanqas qatt ma rċeviet sitt ħabbiet mingħand tal-Community Chest Fund u tal-Istrina.
U din Georgina Cardona kompliet tikteb li jien, Manuel Delia, minkejja l-fatt li ismi m’huwiex fuq is-suppost lista li għandha, qed nitħallas mill-Community Chest Fund.
“Aħna qed nagħtu flus miġburin għall-foqra lil Manuel Delia, li jinsab paxxut bil-qiegħda quddiem kompjuter kuljum jorganizza l-irvellijiet, jieħu l-pussess tal-monumenti tagħna, jgħaddi l-flus lil kriminali bħal Maria Efimova u jgħin lil NGOs oħrajn jagħmlu minn Malta ċentru tat-traffikar tal-immigranti. Dak hu li qed jagħmel bl-flus li aħna qed nagħtuh”.
Aħna? Aħna min? Il-lista tal-ismijiet tal-kontributuri tiegħi m’hix waħda twila. Tgħid xi sostenitur skiżofreniku tal-blog tiegħi qed juża l-isem ta’ Georgina Cardona? Ma naħsibx li dan huwa l-każ.
Il-kuntest tal-kitba tagħha huwa fis-sens li hi tagħti l-flus lill-Community Chest Fund u li jien nirċievi si sehem minnhom. Dan m’hu minnu xejn. Qatt ma tlabt li ningħata l-għajnuna mingħand il-Community Chest Fund u qatt ma ħlomt li għandi nagħmel talba bħal din.
Tafu x’inhu d-dnub f’dan kollu? Li dawk li m’għandhomx grazzja ma’ Repubblika jew inkella miegħi personali – u nammetti li hemm mhux ħażin minn dawn – jistgħu jagħżlu li joqgħodu lura meta jiġu organizzati ġabriet għal-skopijiet nobbli.
Jien wieħed minn dawk li ħriġt nikkritika lill-gvern talli qed jistrieħ wisq fuq l-għajnuna li jagħtu l-għaqdiet tal-karità f’dawk li huma servizzi essenzjali li suppost għandu jfornihom l-istat. Il-foqra, l-morda u l-emarġinati m’għandhomx ikollhom jiddependu fuq il-ġenerożità tal-għaqdiet tal-karità.
M’jiniex hawn nikkritika lill-għaqdiet tal-karità. Qed nikkritika lil kull gvern li ma ħasibx għal biżżejjed għajnuna sabiex ħadd ma jiġi eskluż jew jibqa’ lura.
Titnikket taqra’ l-kummenti ta’ dawk li belgħu l-gideb li vvintat dwari Georgina Cardona li issa qed jgħidu li bi ħsiebhom iwaqqfu d-donazzjonijiet tagħhom lill-Community Chest Fund.
Tibqax tigdeb Georgina.
Tgħid int waħda minn dawk li qed tgawdi salarju mal-gvern waqt li tkun qed tħarbex il-gideb fil-Facebook?