Mix-xhieda li ngħatat illum fil-qorti mill-investigatur ewlieni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Keith Arnaud, irriżulta li dak li ġie mxandar fil-ġurnali dwar il-messaġġi tal-WhatsApp bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u dak li jinsab mixli bid-delitt Yorgen Fenech huwa kollu minnu.

L-ewwel messaġġi xxandru f’Lulju mit-Times of Malta. U llum ixxandru oħrajn mill-Malta Today.

Adrian Delia pprova jiddefendi lilu nnifsu bis-saħħa ta’ diversi skużi. Qal li l-messaġġi ma kienux awtentiċi u li kienu fabrikati. Qal ukoll li ma jiftakarx li kellu konversazzjonijiet iżda ma setax jeskludihom għal kollox. Kompla jgħid li l-konversazzjonijiet li kellu ma’ Yorgen Fenech kienu ta’ natura innoċenti.

Id-dubju dwar jekk dawn il-messaġġi kienux awtentiċi jew le tneħħa għal kollox bis-saħħa tax-xhieda tal-ispettur tal-pulizija li xehed fil-qorti llum waqt li kien qed jiġi kontro-eżaminat mill-avukati ta’ Yorgen Fenech li għafsuh biex jixhed dwar il-mod kif provi li kellha f’idejha il-pulizija kien twasslu għand ħaddieħor. Provi li – għandu jingħad ukoll – ma kienux fil-pussess esklussiv tad-dipartiment ta’ Keith Arnaud.

Il-kwistjoni dwar il-mod kif dawn il-provi spiċċaw f’idejn ħaddieħor qed tiġi investigata. Iżda dan ma jnaqqas xejn mill-veraċità tagħhom. Għall-kuntrarju, Keith Arnaud kkonferma li l-informazzjoni li xxandret hi awtentika u li hu stess kien raha b’għajnejh.

Għaldaqstant Adrian Delia huwa ħati ta’ żewġ affarijiet.

L-ewwel, li baqa’ jikkomunika ma’ Yorgen Fenech anki wara li dan inkixef li hu sid is-17 Black, kumpannija li nħolqot apposta biex jixxaħħmu l-politiċi.

U t-tieni, jew għandu memorja selettiva, jew għandu amnesija patoloġika jew huwa giddieb mill-kbar. Ilkoll jirrendu l-pożizzjoni tiegħu mhux tenibbli.

U sal-lum baqa’ jikteb fil-ġurnali biex jipprova jiġġustifika l-konversazzjonijiet banali li kellu ma’ bniedem mafjuż li kien imdaħħal fi skandli kbar dwar tixħim u li kien saħansitra jasal biex joqtol biex ikun jista’ jkompli jħaxxen butu u biex jipprova jbellagħha li kien hu l-eroj li mexxa’ l-ġlieda kontra l-kriminalità u kontra l-korruzzjoni.

Għandi seba’ mitt sena biex lil Adrian Delia narah jitlef it-tiġrija li ser jidħol għaliha.

U wara li jitlef it-tiġrija, jista’ jkompli bil-konversazzjonijiet ma’ min il-mniefaħ irid.