Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq programm televiżiv, Robert Arrigo “offra l-kariga ta’ Deputat Kap” tal-PN lil Bernard Grech kemm il-darba dan tal-aħħar jirtira mit-tiġrija biex jinħatar Kap tal-PN. Jaqaw Robert Arrigo ħaseb li qed jinnegozja xi trasferiment ta’ players tal-futbol tal-klabb l-antik tiegħu?

Robert Arrigo jokkupa l-pożizzjoni ta’ deputat kap tal-Partit Nazzjonalista bis-saħħa tal-fatt li kien ġie elett f’din il-kariga. Għalkemm jokkupa din il-kariga, ma sarx is-sid tagħha u ma jistax jinnegozjaha jekk ma jkunx irid jibqa’ jokkupaha jew għaliex ikun irid ipartatha ma xi ħaġ’oħra li tkun aktar għal qalbu.

Ma nimmaġinax li l-inkwilini tal-proprjetajiet ta’ Robert Arrigo għandhom l-għażla li jbiegħu l-appartament mikri lilhom biex ikunu jistgħu jixtru dar akbar għalihom.

Jekk Robert Arrigo mhux kuntent bil-kariga li għandu, jista’ jwarrab biex b’hekk l-imgħallem tiegħu (l-istruttura tal-partit li għandha s-setgħa li taħtar id-deputati mexxejja) ikun jista’ jaħtar lil ħaddieħor.

Ma nimmaġinax li l-impjegati ta’ Robert Arrigo għandhom is-setgħa li jbiegħu l-impjieg tagħhom lil min ikunu jridu jekk dawn ikunu jridu jimpjegaw ruħhom band’oħra.

Robert Arrigo mhux biss qed jipprova jsarraf ħatra politika. Qed jipprova jinnegozjaha bil-għan li jolqot mira politika: l-konferma ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-PN. Din m’hi xejn ħlief korruzzjoni. Robert Arrigo ma jifhimx li din hi korruzzjoni. U mingħalih li m’hemm xejn ħażin li jagħmel offerta korrotta bħal din minn fuq it-televiżjoni.

Għandu mnejn li l-PN jinsab fil-proċess li jaħtar mexxej ġdid.

Iżda huwa ċar li l-PN ikun fadallu x’jagħmel biex jippreżenta ruħu bħala gvern alternattiv għad-diżastru u t-tifrik li ħalla warajh Joseph Muscat.