Ma kienx Robert Abela li ħa d-deċiżjoni li titnieda nkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-fatt ma kienitx deċiżjoni li ħadha xi ħadd. Kienet biss ċessjoni tal-armi wara sentejn sħaħ ta’ reżistenza mill-gvern li baqa’ jirrifjuta li jniedi l-inkjesta minkejja s-sejħiet li kienu sarulu mill-familja tal-vittma, minn dawk li ħarġu jipprotestaw fit-toroq, mill-istampa minn madwar id-dinja u mill-istituzzjonijiet Ewropej.

Għamlu sentejn sħaħ bil-gabirjoli legalistiċi li permezz tagħhom ippruvaw kemm felħu, b’falsità liema bħalha, biex jipperswaduna li nkjesta bħal din kienet ser tfixkel il-kors tal-ġustizzja. Ir-realtà hi li s’issa l-unika ġustizzja li rnexxielna niksbu kienet li ċerti persuni ġew imġiegħla jgħidu l-verità fil-beraħ.

Rajna ministri tal-gvern jikkontradixxu lil xulxin, impjegati mas-servizz ċivili jfarfru r-responsabbiltà fuq l-imgħallmin ta’ fuqhom u politiċi jfarfru fuq ta’ taħthom. Rajna membri tal-korp tal-pulizija jippruvaw jiġġustifikaw il-bruda tagħhom bil-għan li jżommu ruħhom ‘il bogħod minn assassinju li kienu fid-dmir li jaraw li ma jseħħx.

Meta kienu tfasslu t-termini ta’ riferenza, l-membri tal-bord kienu ngħataw il-libertà kollha li jisimgħu xhieda kemm ikun hemm bżonn kemm il-darba li dawn jaslu għal konklużjoni fi żmien 9 xhur. Ingħataw ukoll il-fakultà li jiġi estiż lilhom dan iż-żmien. L-Imħallfin – tnejn minnhom irtirati u oħra li trid tlaħħaq ukoll max-xogħol tal-qorti – ftit għandhom għajnuna biex jiflu u jgħarblu l-patafjun ta’ provi li ngħataw. U fadlilhom x’jisimgħu. Dawn m’għandhomx il-ħaddiema tagħhom u m’għandhomx riċerkaturi jew konsulenti.

Dakinhar li l-bord tal-inkjesta beda’ x-xogħol tiegħu, kien diġà deher ċar li 9 xhur ma kienux ser ikunu biżżejjed biex jitfassal ir-rapport konklużiv. U dakinhar ukoll ħadd ma kien bassar li kien ser ikun hemm interruzzjoni ta’ xi xhur minħabba l-imxijja covid-19.

Issa li d-9 xhur għaddew, il-bord tal-inkjesta talab estensjoni sa Diċembru mingħand il-prim ministru qabel jiġi deċiż ikunx meħtieġ aktar żmien. Il-prim ministru ma laqax it-talba kollha u estendielhom iż-żmien sa Diċembru mingħajr aktar estensjonijiet.

L-Imħallfin kienu ċari. Iż-żmien żejjed li ngħataw m’huwiex biżżejjed għalihom. U Robert Abela jidher li ma kkonsultax magħhom qabel iddeċieda li jestendilhom sa Diċembru biss.

Abela mexa’ bil-giljottina u din l-imġieba m’hi xejn ħlief waħda li tfixkel il-ġustizzja. Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt – bniedem li dam jissielet sentejn sħsħ biex iġiegħel lill-gvern iniedi l-inkjesta – dalgħodu wera’ t-tħassib tiegħu dwar l-intenzjoni tal-gvern li jgħaġġel il-konklużjoni tal-inkjesta.

M’hemmx għalfejn tkun għaref wisq biex tintebaħ b’dak li qed iħasseb lil Robert Abela. Aktar ma jinkixfu borom, il-gvern tiegħu qed isir inqas sostenibbli. Illum Michael Farrugia kkontradixxa dal li stqarrew il-kollegi tiegħu Evarist Bartolo u Edward Scicluna u tgħidx kemm faħħar lil Keith Schembri. Jidher ċar li l-gvern ta’ Robert Abela huwa maqsum bejn is-sostenituri tal-klikka ta’ Joseph Muscat u l-oħrajn li ma jridux li jiċċappsu bil-ħmieġ tal-kollegi tagħhom.

U jiżfen fin-nofs hemm Robert Abela li m’għandux il-ħila li jieħu d-deċiżjonijiet li huma meħtieġa. Issa erħilha li għadu ma xebgħax jirrepeti li hu qed ikollu jieħu “deċiżjonijiet diffiċli” meta l-fatti juru li m’hu qed jagħmel xejn minn dan kollu. Joseph Muscat żamm postu fil-Parlament u ma jridx iwarrab biex ħadd ma jixlieh li qed jammetti li jinsab taħt suspett li kellu x’jaqsam mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jew mat-tfixkil lill-kors tal-ġustizzja fil-każ tagħha.

Robert Abela ma jistax ikeċċi lil Joseph Muscat mill-grupp parlamentari minkejja l-fatt li kull ma jrid jagħmel hu li jibgħatlu ittra. Li kieku kellu jagħmel dan, ibqgħu ċerti li l-biċċa ‘l kbira tal-ministri tiegħu, l-biċċa ‘l kbira tal-membri parlamentari tiegħu, l-biċċa ‘l kbira tal-membri tal-istrutturi u tax-xandir tal-partit, il-biċċa ‘l kbira tat-tesserati u bosta mill-partitarji jispiċċaw biex jieħduha kontrih.

Ċertament Robert Abela dan ma jixtiequx li jseħħ u qed jippreferi li jibqa’ joħlom li l-problemi li għandu f’ħoġru fil-fatt ma jeżistux.

Pajjiżna jeħtieġ li jagħti ż-żmien kollu meħtieġ biex toħroġ il-verità kollha. Ma tistax iseħħ il-ġustizzja kemm il-darba ma toħroġx il-verità kollha kemm hi. Jaqaw Robert Abela jridna nerġgħu nibdew nipprotestaw fit-toroq biex il-bord tal-inkjesta jingħata ż-żmien kollu li jeħtieġ biex ikun jista’ jwettaq dmiru?