Dan l-aħħar rajt u qrajt diversi kummenti dwar dak li stqarr Edward Scicluna l-ġimgħa li għaddiet fis-sens li l-pajjiż kien (u għadu?) mmexxi minn gvern li jaħdem fuq żewġ livelli.
Fuq livell wieħed hemm il-famuż “kabinett tal-kċina” li fih kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet li jiswew. Edward Scicluna, il-Ministru tal-Finanzi, ma kienx jifforma parti minnu. Fih kienu jiftehmu dwar negozji li Edward Scicluna ma kien ikun jaf xejn dwarhom – negozji li kien iwaqqafhom li kieku kien jaf li kienu ser iseħħu. M’għandniex xi ngħidu, huwa serva ta’ kaxxier għax kien jiffirmalhom iċ-ċekkijiet. Iżda ħadd ma jista’ jwaħħal fih dwar dak li kien jiġi deċiż fil-“kabinett tal-kċina” għaliex ma kellux sehem fihom.
U fuq livell ieħor kien hemm il-gvern li hu kien jifforma parti minnu. Jiġifieri l-bqija li wħud sejjħulu “the ‘chickens’ cabinet” – il-kabinett tat-tiġieġ li kien riżervat għall-qaddejja tar-reġim li tant kienu mwerwrin li ħadd minn fosthom ma kien jażżarda jisfida lil tal-kabinett tal-kċina jew għallinqas jagħmel sensiela ta’ mistoqsijiet..
Edward Scicluna imbagħad stqarr li n-negozji korrotti li kienet kitbet dwarhom Daphne Caruana Galizia u li, għax kixfithom, ġiet assassinata ma kienux xogħol il-kabinett tat-tiġieġ li tiegħu kien jifforma parti. Iżda kienu xogħol il-membri tal-kabinett tal-kċina li ħolqu l-Projects Malta biex din taħdem lil hinn mill-kontroll amministrattiv tal-Ministeru tal-Finanzi li xogħolu biss kien li jiffirma ċ-ċekkijiet fil-għama.
Il-bieraħ is-Sunday Times of Malta xandret l-ismijiet ta’ dawk li kienu fuq il-bord ta’ Projects Malta. Hemm l-isem ta’ Konrad Mizzi, li la għadu ministru tal-gvern u lanqas membru tal-Partit Laburista. Dan il-fatt jippermetti lil Edward Scicluna li jżomm ruħu ‘l bogħod mir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet u tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-eks kollegi tiegħu.
Hemm ukoll Alfred Camilleri, segretarju permanenti u mgħallem ewlieni fil-ministeru ta’ Edward Scicluna. F’Lulju tal-2018 jien kont ktibt dwar Alfred Camilleri u kont tkażajt dwar kif kien immuta dwar dak li kien qed iseħħ taħt imnieħru u dan b’kuntrast mal-imġieba tiegħu meta kien fl-istess kariga taħt amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ qabel l-2013.
Kien ħa għalih fuq dak li kont ktibt dwaru u saħansitra ċempilli biex igħidli li l-prim ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien qara’ l-artiklu li jien kont ktibt u li kien ċempillu biex jesprimi l-appoġġ u biex juri s-solidarjetà tiegħu miegħu. Min jaf jekk Joseph Muscat reġax ċempel lil Alfred Camilleri biex iwassallu s-solidarjetà wara li l-ġimgħa li għaddiet Edward Scicluna kixef lis-segretarju permanenti tiegħu bħala wieħed mill-perċimes f’organizzazzjoni li lill-ministru tal-finanzi warrbitu għal kollox?
Min kien hemm aktar fit-tmexxija ta’ Projects Malta? Is-Sunday Times of Malta semmiethom wieħed wieħed. Hemm Joe Cuschieri li jmexxi l-entità li tirregola s-servizzi finanzjarji. Hemm Frederick Azzopardi li kien imexxi l-kumpannija tal-enerġija u li issa jmexxi l-proġetti marbutin mal-bini tat-toroq li tgħidx kemm qed itajru trabijiet fl-arja li jidħlu f’imnifsejna. Kien hemm ukoll Aron Mifsud Bonnici li tista’ tgħid kien kważi f’kull bord ta’ aġenziji tal-gvern. Hemm ukoll James Piscopo, bniedem li kien il-kap tat-trasport u li issa qed imexxi l-aġenzija li tieħu ħsieb l-artijiet u l-proprjetà tal-gvern. U fost dawn kien hemm ukoll William Wait li kien imexxi l-kumpannija tal-gvern li tmexxi d-distribuzzjoni tal-ilma u għal xi żmien mexxa’ wkoll il-kumpannija li toħroġ il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Ebda wieħed minn dawn l-uffiċjali huwa elett iżda huma lkoll persuni nvoluti fil-kampanji tal-Partit Laburista u amministraturi ewlenin fil-pajjiż. Hekk kienu taħt Joseph Muscat u hekk baqgħu taħt Robert Abela.
U dawn kienu jwieġbu lill-membri tal-kabinett tal-kċina tal-gvern u mhux lill-membri tal-kabinett tat-tiġieġ li fih Edward Scicluna u sħabu kienu jiġbru l-frak imħolli lihom minn dawk ta’ fuqhom.
Lil Joe Cuschieri, Frederick Azzopardi, Aron Mifsud Bonnici, James Piscopo – u f’okkażjoni waħda, Alfred Camilleri – mhux l-ewwel darba li kkritikajthom. U dawn, bħalma jagħmlu s-soltu, l-kritika tiegħi jilqgħuha b’ċertu disprezz. Għaliex il-kritika dwar l-imġieba tagħhom jippreferu li jinjorawha u li jħalluha mingħajr tweġiba.
Iżda dak li stqarr il-Ministru tal-Finanzi tal-gvern tagħhom stess, tgħid ser jinjorawh u jħalluh għaddej mingħajr ma jwieġbuh? Tgħid ser jinjoraw dak li stqarr bil-ġurament ministru ewlieni tal-gvern tagħhom fis-sens li dawn kienu jġibu ruħħom bħala gvern għalihom u jinnegozjaw kuntratti li Edward Scicluna kien ċertament iwaqqafhom li kieku kien ikun jaf bihom?
U minkejja dan kollu, hawn aħna: għaddew 48 siegħa minn meta Edward Scicluna xehed dak li xehed u l-kabinett tal-kċina pubblikament beżaq fuq il-kabinett tat-tiġieġ.
U Robert Abela reġa’ jinsab f’Marina di Ragusa jaqdef fuq ir-rota.
Nistaqsi: dan il-pajjiż min il-mniefaħ qed imexxieh?