Illum Pieter Omtzigt ta r-reazzjoni tiegħu għall-għaġeb kollu li għamel Edward Zammit Lewis dwar l-emendi kostituzzjonali “storiċi” li għadda l-Parlament għaxart ijiem ilu. 

F’artikolu li kiteb fit-Times of Malta, huwa stqarr li “jidher li bosta mill-membri parlamentari lanqas biss qraw l-abbozz finali dakinhar li ġew imsejħa biex jivvutaw favurihom. Dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet f’demokraziji Ewropej.”

Is-sitwazzjoni fil-fatt hi agħar milli jaħseb li hi Pieter Omtzigt. Għaliex il-fatti juru li, għaxart ijiem wata li ttieħed il-vot “storiku”, bosta mid-deputati parlamentari għadhom ma qrawx l-abbozz finali. U l-Parlament għadu ma xandarx it-tibdiliet li saru fil-kostituzzjoni tal-pajjiż.

Dan m’hu xejn ħlief dilettantiżmu tal-prima klassi.

Immaġinaw xenarju li jseħħ fil-Klabb tal-Boċċi ta’ Birżebbuġa. Il-president tal-klabb jitlob lil-sħabu tal-kumitat biex jittieħed vot dwar kwistjoni taħraq li m’hemmx qbil dwarha: hemm żewġ kompetituri għall-kirja tal-bar tal-klabb u nofs il-membri tal-kumitat huma favur kuntrattur wieħed u n-nofs l-ieħor huma favur kuntrattur ieħor. Waħda mill-offerti hi irħas. Iżda l-offerta l-oħra għandha ċerti vantaġġi. Il-kundizzjonijiet tal-kumtratt huma kumplikati u d-deċiżjoni dwar min minnhom għandu jingħata l-kuntratt m’hix faċli.

Tistgħu qatt timmaġinaw li jkun hemm qbil bejn il-membri tal-kumitat li jittieħed vot fuq riżoluzzjoni li jkunu għadhom ma qrawx? U anki jekk, għall-grazzja tal-argument, ikun hemm qbil li jittieħed vot, tistgħu timmaġinaw x’burdata jkunu fiha l-membri tal-kumitat meta jkunu għaddew għaxart ijiem u jkun għadu ma nkiteb xejn iswed fl-abjad?

Li kieku fil-pajjiż għandna oppożizzjoni tal-affari tagħha, din kienet tibda’ tistaqsi lill-gvern dwar jekk il-kliem tal-abbozz għadux qed jitfassal u dan għaxart ijiem wara li ġie approvat permezz ta’ riżoluzzjoni parlamentari. Iżda jeħtieġ li niftakru li dan l-arranġament intlaħaq ma’ Adrian Delia li bħalissa huwa aktar moħħu biex jara kif politikament ser jibqa’ jimraħ fil-wiċċ.

L-abbozz ta’ liġi ġie mgħoddi lill-President? Il-President iffirmaħ? X’igħid l-abbozz?

Dan it-taħwid m’hu xejn ħlief kawlata storika.