Wara l-irtirar ta’ Reno Bugeja mill-karga ta’ kap tal-aħbarijiet ta’ TVM, il-gvern Laburista ħatar floku lil Norma Saliba li sa ftit ġranet ilu kienet il-kelliema uffiċjali tal-President George Vella. Il-profil tagħha fil-LinkedIn għadu jindika li taħdem fl-Uffiċċju tal-President. Qed nassumi li din m’hix tokkupa żewġ karigi fl-istess ħin, hux hekk?

Ejjew nassumu li dawk li jkollhom rabtiet mal-gvern m’għandhomx għalfejn iżommu aġġornat l-profil tagħhom fil-LinkedIn. Għaliex dawn malajr jinkixfu.

Ftit tal-ġranet ilu, bosta kienu dawk li stagħġbu bid-diskors li lissen Jean Claude Micallef meta dan qal li l-gvern għandu jżomm kontroll fuq dawk li jkunu jridu jaħdmu bħala ġurnalisti permezz tal-ħruġ ta’ liċenzji. Dan il-membru parlamentari tal-Labour li beda’ l-karriera politika tiegħu mal-PN, sakemm dawn spiċċaw biex ħelsu minnu, jidher li tgħallem it-tifsira tax-xandir ħieles bis-saħħa tal-programmi televiżivi ta’ quiz li kien imexxi – programmi li kienu segwiti minn ċerta l-udjenza li – biex tirbaħ xi ġugarell – kienet ta’ spiss titlob li tingħata l-ħjiel saħansitra biex twieġeb mistoqsijiet mill-aktar faċli. Għal Jean Claude Micallef, jekk il-gvern ma jkollux grazzja miegħek, jagħmel sew li jwaqqfek milli tikteb dak li tħoss.

L-idea li dawk li l-gvern ikollu grazzja magħhom biss ikunu jistgħu jiktbu dak li jħossu b’mod ħieles għandha twaħħax anki lil min qatt ma ħadem fil-kamp tal-ġurnaliżmu. Iżda idea bħal din Jean Claude Micallef ma ġabarhiex minn xi liġi mfassla minn Victor Orban. Ġabarha mingħand il-mara ta’ missieru li għal xi żmien kienet il-president tal-għaqda tal-ġurnalisti u din l-idea kienet mexxietha bħallikieku kienet xi politika uffiċjali.

Din Norma Saliba issa nħatret editur tal-istazzjon nazzjonali. Mingħand Reno Bugeja wirtet makna tal-propaganda li rrendiet lit-TVM f’għodda f’idejn ir-reġim u li sfruttat id-dgħjufija tal-oppożizzjoni parlamentari u n-nuqqas tagħha li tinsisti li jkun hemm bilanċ fix-xandir pubbliku.

Reno Bugeja kien bniedem fin u sottili. Iżda kien propagandist effettiv għal tal-Labour għaliex sikwit kien jilbes il-maskra tan-newtrali u li kien jaf ifittex il-kompromessi biex jakkomoda l-lealtajiet partiġġjani tiegħu.

Norma Saliba m’hix intelliġenti daqsu għalkemm hi wkoll leali lejn il-Partit. Sabet ruħħa fit-TVM u minn Settembtru ser tippreżenta programm skedat ta’ filgħodu li hu kkontrollat mill-propagandisti li huma partiġġjani daqsha.

Meta ma tkunx qed tbiegħ l-ispazju għar-reklamar għall-istazzjon jew meta ma tkunx qed tagħti l-pariri lil Anton Refalo, Antonella Vassallo tmexxi programm li jixxandar filgħodu fuq TVM. Min jaf lil Refalo x’kwalità ta’ pariri tagħtih? Filwaqt li Refalo huwa responsabbli għall-biedja, sajd u drittijiet tal-annimali, Antonella Vassallo tgħidx kemm tinqala għat-tisrif tal-ispazju tar-reklamar fi flus.

Aktar tard matul il-jum, titfaċċa Angela Agius fuq it-televiżjoni tal-istat. Din tant hi indipendenti li saħansitra hi wkoll membru tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Laburista. Xenarju bħal dan lanqas biss joħolmuh fil-BBC, fl-ARD, fi France 2 jew f’xi mezz tax-xandir pubbliku ieħor. Din hi l-istess persuna li fil-21 ta’ Novembru 2019 xandret ir-ritratt li qed jidher hawn fuq fil-Facebook – żmien li fih is-sisien tar-reġim ta’ Joseph Muscat kienu bdew iċedu u spiċċa kellu jwarrab ftit wara. Tistgħu timmaġinaw il-programm tagħha kemm jista’ qatt ikun oġġettiv?

Filgħaxija mbagħad, kuljum qabel l-aħbarijiet tat-tmienja, t-TVM  jipprovdielna programm ta’ diskussjoni ppreżentat minn propagandist ieħor: Quentin Scerri, l-kandidat stilla tal-Labour fuq it-tieni distrett. Ara ma tmorrux taħsbu li l-propaganda partiġġjana b’xi mod tittaffa bix-xandir ta’ ġurnaliżmu ta’ kwalità.

Ma tarax!

Fl-ewwel jum tal-impjieg ġdid tagħha, Norma Saliba xandret “storja”: żewġ ġuvnotti ta’ 18 il-sena ġew mixlija bi qtil l-għada tal-isparatura li seħħet fl-Imqabba li milli jidher kellha x’taqsam mat-tqassim tad-drogi. Norma riedet tidħol fil-fond tal-istorja permezz ta’ analiżi.

X’għamlet? Ma tkixxfitx dwar l-istatistika fejn għandha x’taqsam il-kriminalità vjolenti. Ma ntervistatx lill-kriminoloġi dwar dak li jista’ jwassal għat-twettiq tal-vjolenza kriminali fost iż-żgħażagħ. M’għamlet ebda paragun mal-istatistika f’pajjiżi barranin biex tara f’Malta għandniex problema taħraq f’ħoġorna. Ma nediet ebda intervista mal-membri tal-familja kemm tal-akkużati kif ukoll tal-vittmi. Ma marritx tistaqsi lill-ġirien dwar jekk dawn kienux jafu lill-mixlija bħala tipi vjolenti jew dwar jekk kienux skantaw b’dak li kien seħħ.

Minn dan kollu m’għamlet xejn. Li kieku riedet, setgħet faċilment tkixxfet u staqsiet huwiex minnu li żgħażagħ ta’ din l-età jgħaddu minn proċess bħal dan meta jittellgħu l-qorti u dwar jekk dawn jiġux kunsiderati bħala persuni minorenni bir-riżultat li fil-ħabs dawn jinżammu mifrudin mill-priġunieri l-oħra.

Biex taħsbu li ħarġet Norma? Ħarġet b’rapport li tkellem dwar “kwistjonijiet li nqalgħu” (min jaf x’kienu dawn?) “dwar id-delinkwnza fost iż-żgħażagħ”.

Saru sensiela ta’ mistoqsijiet lil Eddie Attard – bniedem serju  u tal-lant li għandu esperjenza kbira f’dik li hi storja tal-ġurijiet u proċessi kriminali li seħħew f’dawn l-aħħar mitejn sena. Iżda dak li tkellem dwaru Eddie Attard ma kellu x’jaqsam xejn mas-suġġett, jiġifieri dak li kien seħħ fl-isparatura tal-Imqabba.

Min jaf x’riedu jgħidu biha meta għażlu li jintervistaw lil Eddie Attard? X’kellha x’taqsam l-informazzjoni li xxandret dwar qattiel li għex fis-seklu dsatax? Tat-TVM tkellmu dwar “tfal ta’ 12 il-sena li fl-imgħoddi qatlu u stupraw”? Jaqaw jaħsbu li b’daqshekk għandna għalfejn niskantaw xi ftit anqas mis-soltu meta fl-2020 jkollna żewġ żgħażagħ mixlija bi qtil?

L-għażliet ġurnalistiċi li jagħmel ħaddieħor, lili qajla jinteressawni. Iżda jaqbadni d-daħk meta nisma’ li Norma Saliba wiegħdet lill-kollegi l-ġodda tagħha li kienet ser tibda’ paġna ġurnalistika ġdida ta’ kwalità għall-istazzjon nazzjonali u mbagħad fl-ewwel jum tagħha ħarġet b’ħmerija ġurnalistika bħal din.

Jaħasra f’liema livell waqajna.