F’Malta għandna ħaddiema tas-servizz ċivili fil-qasam tal-affarijiet barranin u li jintbagħtu biex iservu lill-pajiiż lil hinn minn xtutna li huma kapaċi f’xogħolhom. Ikun hemm okkażjonijiet li fihom gvernijiet ikunu ġustifikati li jagħmlu ħatriet politiċi għat-tmexxija ta’ ambaxxati Maltin l-aktar minħabba raġunijiet li politikament ikunu sensittivi. Għal ħatriet diplomatiċi, jistgħu jinħatru diplomatiċi jew inkella persuni maħturin politikament.
Iżda ħadd m’għandu jistenna’ li l-Konsolat ta’ Malta f’Shanghai jkun jeħtieġ ħatra politika. Wieħed għandu jasal biex jifhem jekk issir ħatra politika għall-ambaxxata f’Beijing u dan sabiex ikun hemm għassa politika adegwata fuq ir-relazzjonijiet mal-gvern ta’ dak il-pajjiż. Iżda x-xogħol tal-uffiċċju f’Shanghai huwa biss wieħed ta’ natura konsolari u kummerċjali u mhux partikolarment politiku.
Sai Mizzi kienet l-ewwel persuna ta’ fiduċja li nħatret fil-Konsolat ta’ Shanghai. il-ħatra tagħha kienet waħda pjuttost misterjuża u, sa fejn wieħed jista’ jifhem, kienet ingħatat il-ħatra sabiex Konrad Mizzi ikun jista’ jgħix kuntent fiż-żwieġ 9,400 kilometru ‘l bogħod minn martu hu u jħallasha l-manteniment dritt mill-kaxxa ta’ Malta.
Iżda meta ma felħux aktar għall-pressjoni popolari, Sai Mizzi ġiet sostitwita mid-diplomatiku Ruth Farrugia. Iżda, milli jidher, ftit wara lil din Ruth Farrugia bgħatuha f’Beijing u ħatru flokha lil Aldo Cutajar fil-Konsolat f’Shanghai.
Il-ħatra ta’ Aldo Cutajar kienet waħda ta’ natura politika. Dan inħatar biex jirrappreżenta lil Malta f’Shanghai bħala persuna ta’ fiduċja. Il-Kunsill tal-Ewropa diġà kellu l-okkażjoni li jikkritika din il-prassi li ġiet użata mill-gvern b’mod eżaġerat għall-aħħar biex jagħmel ħatriet ta’ bażużli u biex jevita l-proċeduri tas-servizz ċivili u l-liġijiet dwar il-ħatriet mas-servizz pubbliku.
It-tweġiba għall-kritika tal-Kunsill ta’ Ewropa kienet saret minn Mario Cutajar, ħu Aldo Cutajar. Mario Cutajar huwa l-Kap tas-Servizz Ċivili. Dan ma jfissirx biss li huwa s-segretarju permanenti tal-Prim Ministru. Lanqas ma jfisser biss li huwa l-imgħallem tas-segretarji permanenti l-oħrajn. Ma jfissirx biss li huwa jmexxi s-servizz ċivili. Ifisser ukoll li huwa s-segretarju tal-Kabinett tal-Ministri: mhux tal-“kabinett tal-kċina” biss. Ifisser li huwa s-segretarju tal-gvern kostituzzjonali tal-pajjiż: il-persuna b’responsabbiltà li jieħu azzjoni fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-ministri.
U Mario Cutajar kien fuq quddiem nett meta lil tal-Kunsill tal-Ewropa qalilhom li l-gvern kellu kull dritt li jevita r-regolamenti dwar l-ingaġġ mal-gvern biex ikun jista’ jħaddem lil min ifettillu, saħansitra anki lil persuni b’rekord kriminali, basta jkollhom il-ħila li jgħajjtu Viva l-Lejber kull meta jkun meħtieġ.
Robert Abela ma jistax jgħid li b’dan kollu ma kien jaf xejn. Kien hu stess li għażel lil Mario Cutajar biex imexxi kumitat tal-kabinett dwar il-governanza tajba. Dak iż-żmien, jien kont staqsejt jekk Mario Cutajar kienx ser jirrakkomanda lilu nnifsu bħala mudell dwar il-governanza tajba. Kien imissni staqsejt jekk fil-fatt kienx bi ħsiebu li jirrakkomanda lil ħuh.
Dan – kollu kemm hu – huwa ħu Aldo Cutajar. U dan huwa d-difensur ewlieni tal-prassi li permezz tagħha jiġu ngaġġati persuni bħal Aldo Cutajar għall-impjieg li kellu.
Kien bis-saħħa ta’ din il-politika li, dak li kien il-ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela kien ħatar lil Aldo Cutajar fil-Konsolat ta’ Malta f’Shanghai. Kien hu li talab lill-awtoritajiet Ċiniżi li jippermettu lil Aldo Cutajar imexxi operazzjoni – li dwarha ftit huwa magħruf – f’pajjiżhom hu u jgawdi mill-immunità diplomatika bħala rappreżentant ta’ pajjiżna.
Aldo Cutajar kien persuna ta’ fiduċja ta’ Carmelo Abela. Carmelo Abela ħalef bih mal-awtoritajiet taċ-Ċina u magħna lkoll – aħna li ħriġnilu s-salarju.
Issa Aldo Cutajar qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus. Qed jingħad li sabulu f’daru ftit inqas minn miljun ewro fi flus kontanti. Jiewn ninsab infurmat minn għejjun li nista’ norbot fuqhom li dan l-ammont ta’ flus jista’ jkun wieħed ħafna akbar u li d-dokumenti li nstabu f’daru jitfgħu dawl fuq operazzjoni wiesa’ internazzjonali ta’ ħasil ta’ flus li jinvolvi ammonti enormi mhux biss ta’ flejjes iżda wkoll ta’ ġojjelli, proprjetajiet u kontijiet bankarji f’pajjiżi oħra.
Issa għanda nistennew li Carmelo Abela għandu jispjegalna il-għala Aldo Cutajar ittradieh.
Iżda l-verità hi li kien Carmelo Abela stess li ttradiena u r-riżenja tiegħu mill-gvern għandha ssegwi r-riżenja ta’ Mario Cutajar stess.