Fil-qorti llum, il-Pulizija xehdet li fiż-żmien li fih kien ġie arrestat, Yorgen Fenech qalilha li kien Keith Schembri li qabbdu biex jippjana l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kienu ilhom diġà jitkellmu għal ċertu żmien qabel Keith Schembri qallu: Mexxi. Mexxi. Mexxi.

Il-Pulizija xehdet ukoll fil-qorti li Yorgen Fenech qalilha li Joseph Muscat kien jaf bil-pjan. M’huwiex ċar riedx ifisser li Muscat kien jaf bil-pjan qabel twettaq id-delitt. Iżda ħareġ ċar li kien jaf bil-pjan qabel ġew arrestati Yorgen Fenech jew Melvyn Theuma u li kien staqsa dwaru lil Yorgen Fenech.

Din l-informazzjoni żvelaha dak li qed jiġi mixli li kien il-moħħ wara d-delitt. Ċertament għandu l-motivazzjonijiet kollha li jfarfar il-ħtija tiegħu fuq ħaddieħor jew li għallinqas inaqqas ir-responsabbiltà minn fuq spallejh minħabba r-responsabbiltà ta’ ħaddieħor. Iżda dak li stqarr dwar Joseph Muscat u dwar Keith Schembri jaqbel mal-provi li diġà ġew stabiliti: l-ittra li twasslet permezz tat-tabib; it-twissijiet li twasslu lil Melvyn Theuma; ir- recordings u l-kontenut tagħhom.

F’din l-istorja tal-waħx, m’hawn ebda eroj. Bl-ammissjoni tiegħu stess, Melvyn Theuma huwa qattiel. Yorgen Fenech ma ċaħadx li kellu sehem u llum il-Pulizija kkonfermat li huwa qatt ma ċaħad l-involviment tiegħu. Theuma u Fenech m’humiex il-vittmi ta’ dawk li qabbduhom jew li nkoraġġewhom fit-triq li kellhom il-ħsieb li jaqbdu. M’huma xejn ħlief kompliċi. Iżda dawn it-tnejn jistgħu jikxfu lil oħrajn li wkoll kienu mdaħħlin fid-delitt.

Mhux bi ħsiebni noqgħod nissuġġerixxi lill-Pulizija dak li għandha tagħmel. Iżda ta’ min josserva li kien biss il-ġimgħa li għaddiet li Joseph Muscat jidher li tkellem dwar dan mal-Pulizija għall-ewwel darba, u dan minkejja l-fatt li   Yorgen Fenech kien diġà ilu li kellimhom dwar l-istess suġġett sa minn Novembru li għadda. Jidher li l-Pulizija – anki f’dan l-istadju – komplew iserrħu fuq iċ-ċaħdiet ta’ Joseph Muscat. Nistaqsi: l-informazzjoni li għandha f’idejha l-Pulizija m’hix biżżejjed biex Joseph Muscat jitqies bħala persuna li għandu ħafna għalxiex iwieġeb, sabiex isiru tfittxijiet fil-proprjetajiet tiegħu, sabiex jiġu mgħarbla l-mezzi ta’ komunikazzjoni personali tiegħu u sabiex titkixxef dwar aktar provi li jistgħu ikomplu jħawwru dak li diġà huwa magħruf? Investigazzjoni kriminali indipendenti għandha toqgħod fuq il-provi li jinkixfu, jkunu fejn ikunu dawn il-provi – anki jekk dawn ikunu f’Burmarrad.

Keith Schembri diġà għamel żmien qasir taħt arrest, iżda jidher li – għal darb’oħra – ma saru ebda sforzi biex jinġabru provi dwaru. Hemm ir-riskju evidenti li kemm Joseph Muscat kif ukoll Keith Schembri jaħarbu minn Malta. Keith Schembri huwa sinjurun li għandu kontijiet bankarji barra minn Malta, li wħud minnhom nafu bihom. U ma tkunx ħaġa ta’ barra min hawn jekk Joseph Muscat għandu l-istess ġid li għandu sieħbu. Ċertament m’huwiex igħix minn fuq il-ġid li kien iddikjara li kellu meta kien għadu prim ministru. Mhux l-ewwel darba li Joseph Muscat ntlemaħ riekeb fuq il-laneċ lussużi ta’ ħbiebu. Li kieku kellu jiġi bżonn li jaħrab mil-liġijiet, mhux ser ikollu l-ħtieġa li jgħaddi mill-ajruport. It-tnejn għandhom kuntatti tajbin: mas-servizzi tas-sigurtà, mal-pulizija, mal-prosekuturi, eċċetra. U li kieku l-borma kellha tkompli tbaqbaq u tfur, ibqgħu ċerti li ser ikollhom minn itarrfilhom l-informazzjoni bil-quddiem bl-istess mod li kellhom min itarrfilhom Melvyn Theuma u Yorgen Fenech qabel dawn inġabru mill-Pulizija.

Xhur sħaħ wara l-fatt, ma nkunx qed inħarref jekk ngħid li Joseph Muscat u Keith Schembri għandhom is-saħħa li jbagħbsu bil-provi li jistgħu jiġu wżati kontrihom. U minkejja dan, anki huma setgħu wettqu l-iżbalji. Nistaqsi: għaliex dawn qed jitħallew iżommu provi f’idejhom li jistgħu jintużaw kontra tagħhom? Għaliex il-parir li kien ta Peter Grech lill-Pulizija biex dawn ma “jdejqux” lil Keith Schembri (u allura anki lil Joseph Muscat) jidher li għadu jgħodd anki wara li dan warrab? Għaliex għadhom ma nqabdux il-kompjuters u l-mobiles tagħhom?

Sal-lum Joseph Muscat u Keith Schembri għadhom qed jiġu protetti.

Minn min?