Il-Ħadd li għadda Raphael Vassallo xandar intervista li huwa għamel lil Adrian Delia. Matul l-intervista, Raphael Vassallo talab lil Adrian Delia jirreagixxi għal dak li, skont hu, jien kont ktibt fis-sens li hu għandu jwarrab mill-Parlament. Jekk Raphael Vassallo kien qed jirreferi għal dak li jien ktibt dwar x’għandu jagħmel Adrian Delia wara li tilef it-tellieqa għat-tmexxija tal-PN, kienet mistoqsija pjuttost stramba.  Għaliex jien qatt ma ktibt li Adrian Delia għandu jwarrab mill-Parlament. Ejjew ngħidu li Raphael Vassallo ma tantx jinqala’ għar-riċerka.

Adrian Delia ma skantax u t-tnejn li huma għaddew biex attakkaw lil ġurnalist għal raġunjiet li m’humiex imsejsa fuq fatti.

Ippermettuli niċċaralhom.

Adrian Delia jmissu jwarrab. Mhux għaliex tilef it-tellieqa għat-tmexxija tal-PN. Iżda għaliex qed jingħad li rrifjuta l-offerta li għamillu Bernard Grech biex jifforma parti mill-kabinett dell. Jekk tassew ma jrid jagħmel xejn, m’għandux jibqa’ jokkupa siġġu parlamentari biex jaqgħod isaħħnu u biex jivvendika ruħu.

Ġie rappurtat li lil Bernard Grech wieġbu li jippreferi li jokkupa s-siġġijiet ta’ wara mingħajr ma jkollu dikasteru allokat lilu għaliex, skont hu, dan huwa l-“mudell ta’ Westminster”. Adrian Delia wera’ li dan l-hekk imsejjaħ “mudell ta’ Westminster” ma jafx x’inhu. Kif kiteb Mark Fenech fil-Facebook, dak li kien il-kap tal-oppożizzjoni fir-Renju Unit – William Hague – ma kien sab diffikultà ta’ xejn meta nħatar ministru dell tal-affarijiet barranin mill-kap tal-oppożizzjoni l-ġdid David Cameron. Hague ma kienx iddardar meta ngħata nkarigu fi skaluna ftit aktar baxxa.

Iżda l-ironija tinsab fil-fatt li Adrian Delia stess kellu eks-Kap fil-kabinett dell tiegħu. Huwa stess kien ħatar lil Simon Busuttil ministru dell dwar il-governanza tajba u, wara waħda mill-qassatat kbar li għamel Adrian Delia, spiċċa biex keċċieh ukoll.

Li kieku s-sitwazzjoni ma kientx daqstant traġika, kienet tkun waħda tad-daħk.

Wieħed jeħtieġ li jiftakar il-mod li bih Adrian Delia kien akkwista s-siġġu parlamentari tiegħu. Normalment nikkunsidra talba biex deputat iwarrab mill-Parlament bħala eżerċizzju ta’ telf ta’ żmien (għaliex ħadd ma jista’ jġiegħel deputat iwarrab sakemm dan ma jingħatax piena ta’ ħabs jew jiġi dikjarat fallut b’sentenza tal-qorti) u peress li deputat jitla’ fil-parlament bis-saħħa tal-voti tan-nies, huma l-votanti li għandu jkollhom is-saħħa li jwarrbuh.

Iżda Adrian Delia ma kienx ġie elett mill-poplu u qed jokkupa s-siġġu parlamentari li kien ċedielu Jean Pierre Debono. Jean Pierre Debono kien l-għażla tal-elettorat tas-seba’ distrett u din l-għażla demokratika kienet ixxejnet bis-saħħa ta’ ċirkostanzi li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ mewt jew ma’ xi skandlu. Ixxejnet għaliex ir-rieda demokratika tat-tesserati ngħatat aktar importanza mir-rieda demokratika tal-elettorat tas-seba’ distrett.

Jean Pierre Debono kien warrab mingħajr raġuni ġustifikata u ttradixxa lil dawk li vvutawlu minkejja l-fatt li forsi ħaseb li l-elettorat tas-seba’ distrett kien kuntent li ċeda s-siġġu lil Adrian Delia. Jekk din kienet il-ġustifikazzjoni, allura din il-ġustifikazzjoni taret mar-riħ hekk kif Adrian Delia twarrab mill-kariga ta’ kap tal-oppożizzjoni.

Jean Pierre Debono ma kienx ċeda s-siġġu parlamentari lil Adrian Delia biex dan joqgħod isaħħnu. L-elettorat tas-seba’ distrett ma ġiex ittradut għal dan kollu.

Fil-fehma tiegħi, il-co-options li jsiru fil-Parlament huma negazzjoni tad-demokrazija. U bħalissa qed iseħħu ġrajjiet strambi fi ħdan il-Partit Laburista. Meta sa fl-aħħar warrab Joseph Muscat, huwa battal siġġu parlamentari li seta’ mtela’ minn wieħed mill-kandidati fid-distrett li ma kienux telgħu. Skont is-sistema tagħna, jsiru l-elezzjonijiet każwali wara li jinfetħu l-voti biex jiġu mgħarbla l-preferenzi.

Fuq il-polza tal-vot ikun hemm l-ismijiet ta’ dawk il-kandidati eliġibbli li ma kienux telgħu u r-rieda tal-elettorat tiġi interpretata skont il-preferenza tal-istess elettorat. Iżda jidher li tal-Partit Laburista għamlu pressjoni fuq il-kandidati eliġibbli biex iġiegħeluhom ma jikkontestawx l-elezzjoni każwali biex ikun jista’ jingħażel xi ħadd li qatt ma kkontesta l-elezzjoni ġenerali. 

Dan m’huwiex ġust. U l-inġustizzja toħloq ir-rabja. Hi għal din ir-raġuni li qed jidhru x-xquq fil-grupp parlamentari Laburista kemm ilu li warrab Joseph Muscat mix-xena. Kien Etienne Grech li warrab ftit siegħat biss wara l-egħluq tal-applikazzjonijiet għall-kandidati eliġibbli biex jimtela l-post vakat minn Joseph Muscat. Din ir-riżenja hi waħda ta’ sinjifikat.

Etienne Grech innifsu kien sab ruħu fil-Parlament wara li saret elezzjoni każwali fir-raba’ distrett peress li Chris Fearne kien tela’ minn żewġ distretti. Is-sistema tagħna tagħti l-opportunità lil kull kandidat li jikkontesta minn żewġ distretti u din m’hi xejn ħlief sistema perversa għaliex imbagħad ikun il-partit li jagħżel liema distrett għandu jċedi l-kandidat elett. U meta jwarrab deputat elett minn elezzjoni każwali, ma ssirx elezzjoni każwali oħra u min jidħol floku jingħażel mill-partit.

Dan ma jistax ħlief ifisser li – kieku Etienne Grech tniffes minn qabel dwar l-intenzjoni tiegħu li jwarrab – il-partit tiegħu seta’ daħħal lil Miriam Dalli minfloku u min kien imissu biex jitla’ mit-tieni distrett wara li warrab Joseph Muscat kien jieħu postu fil-Parlament. Min jaf f’liema dahar ried idaħħal is-sejf Etienne Grech?

Ironikament issa tfaċċat ukoll Justyne Caruana, l-eks ministru li hi l-mara ta’ uffiċjal diżonest tal-pulizija li sirna nafu li kien qaqoċċa ma’ Yorgen Fenech, li issa ddikjarat li bi ħsiebha twarrab.

Il-prinċipju għandu jkun dejjem li l-membri parlamentari għandhom dejjem jingħażlu mill-poplu. Minkejja dan, il-partiti politiċi qed jitħallew ibagħbsu b’dan il-prinċipju. Huma l-partiti li jagħżlu d-distretti li fihom isiru l-elezzjonijiet każwali u ħafna drabi jagħmlu minn kollox biex kandidati li ma jkunux iriduhom ma jitħallewx jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet. Huma l-partiti li jagħżlu kandidati għall-co-option anki jekk – bħal Bernard Grech u Miriam Dalli – ma jkunux ikkontestaw elezzjoni.

Fil-fehma tiegħi, l-elezzjonijiet każwali u l-co-options għandhom jiġu aboliti u kandidat m’għandux jikkontesta aktar minn distrett wieħed.  Jidhirli li l-elettorat għandu wkoll jingħata d-dritt li jwarrab deputat mingħajr ma joqgħod jistenna’ li ssir elezzjoni ġenerali u dan bis-saħħa ta’ by-election. U meta jwarrab deputat, is-siġġu parlamentari tiegħu għandu jimtela’ minn persuna eletta direttament.

It-twarrib ta’ deputat m’huwiex meħud mill-mudell ta’ Westminster. Fir-Renju Unit, deputat parlamentari jista’ jitwarrab jekk ikun ħati ta’ delitt serju li jsarraf f’ħabs. Iżda fil-British Columbia, fil-Kanada u f’ġurisdizzjonijiet mnebbħa minn Westminster (Alberta u Nova Scotia fil-Kanada u New Zealand) qed jikkunsidraw li tiddaħħal is-sistema li permezz tagħha membru parlamentari jkun jista’ jitneħħa bis-saħħa ta’ petizzjoni.

Dawn l-ideat huma msejsa fuq il-mudell ta’ Westminster. U li kieku kellna nimxu fuq il-mudell ta’ Westminster kif suppost, Adrian Delia – bniedem li sab postu fil-Parlament wara li warrablu Jean Pierre Debono – ma kienx isir membru parlamentari.

Aħseb u ara kemm kien ikun membru parlamentari issa li jrid li jsaħħan is-siġġu biss.