Diġà kellna idea vaga x’kien fih ir-rapport. Iżda llum il-Parlament xandar ir-rapport redatt minn George Hyzler dwar l-imġieba ta’ Joseph Muscat meta dan, fiż-żmien li kien għoddu wasal biex iwarrab minn prim minstru, ħareġ ordni biex l-Awtorità tat-Turiżmu tqabbad lil Konrad Mizzi bħala konsulent tagħha.

Il-konklużjonijiet tar-rapport huma ċari. Joseph Muscat kien ċempel lil Johann Buttigieg, kap eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu, u tah ordni biex jiffirma kuntratt ta’ konsulenza ma’ Konrad Mizzi. L-ordni kienet li Konrad Mizzi kellu jitħallas paga aktar għolja minn dik li kellu bħala ministru, kellu jingħata karrozza u xufier, assikurazzjoni kontra l-mard għalih u għall-familtu u telefon ċellulari flimkien mal-internet, kollox imħallas.

Il-valur tal-kuntratt kien ogħla minn dak li l-liġi tippermetti lill-Awtorità li tagħti mingħajr ħruġ ta’ offerti kompettitivi jew mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-ministeru tal-finanzi permezz ta’ direct order.

Il-liġi li tirregola lill-Awtorità tipprovdi wkoll li l-ministru (għal żmien qasir dan kien Joseph Muscat) jista’ biss japprova jew iwarrab ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità u jista’ jagħti lill-Awtorità struzzjonijiet wiesa’ dwar policy. Dan ifisser li Joseph Muscat mar lil hinn mis-setgħat mogħtija lilu bil-liġi. Ifisser ukoll li Johann Buttigieg ittradixxa lill-bord tat-tmexxija tal-Awtorità meta segwa struzzjonijiet illegali li ġew minn barra l-Awtorità u dan mingħajr ma tarraf lill-bord dwar dak li kien qed iseħħ. U jekk iċ-Chairman tal-Awtorità Gavin Gulia kien jaf x’kien għaddej taħt imnieħru, s’issa għadu ma tniffisx.

Joseph Muscat ipprova jiġġustifika l-imġieba tiegħu billi stqarr li dak li għamel, kien għamlu skont il-liġi. Iżda dan m’huwiex minnu. Ma teżisti ebda liġi li tagħti d-diskrezzjoni lill-prim ministru li jordna impjegat ta’ aġenzija tal-gvern li jagħti kuntratt li jiswa mal-€250,000 lil persuna speċifika.

Bis-saħħa ta’ investigazzjoni serja imsejsa fuq provi dokumentati, George Hyzler ikkonkluda li Joseph Muscat kiser il-liġijiet u issa għadda r-rapport tiegħu lill-kumitat tal-Parlament li għandu jiddeċiedi x’kastig jew piena għandu jagħti.

Iżda issa smajna li d-deputati Laburisti ma jridux ikomplu jmexxu ‘l quddiem din il-kwistjoni għaliex Joseph Muscat warrab minn membru tal-Parlament inqas minn siegħa qabel wasal fil-Parlament ir-rapport ta’ George Hyzler. Dan ix-xenarju konna diġà xammejnih. Skont il-loġika ta’ dawn id-deputati, jekk tabib tal-isptar – għax inzerta kien fis-sakra fuq il-lant tax-xogħol – jagħti mediċina żbaljata lil pazjent li tagħmel ħsara lil saħħtu, kulma jrid jagħmel it-tabib hu li jwarrab mill-impjieg qabel tasal il-pulizija biex tinvestiga.

Konna diġa nafu li Joseph Muscat huwa politiku korrott u li kellu jwarrab minħabba l-korruzzjoni. U konna nafu wkoll li Johann Buttigieg, bħala wieħed minn tal-qalba, kien lest li jagħmel minn kollox biex jaqdi lill-id li kienet qed titimgħu. Konna nafu wkoll bir-regħba kbira li għandu Konrad Mizzi.

Daqs kemm konna ilna nafu li l-grupp parlamentari tal-Labour ta l-kenn kollu tiegħu lil din iċ-ċorma ta’ kriminali. Liema kenn għadu qed jagħtihielha sal-ġurnata mqaddsa tal-lum.

Lil tan-Newsbook, Byron Camilleri qalilhom li ninsabu qrib elezzjoni ġenerali. M’għandniex għalfejn niskantaw għala d-deputati tal-Labour ma jridux jikkastigaw lill-mexxej ta’ qabel li jinsab mgħarraq sa xfar għajnejh fil-ħmieġ tal-korruzzjoni.

Malli tasal l-elezzjoni, l-poplu se jiġih iċ-ċans. U jekk tal-Labour jerġgħu jitilgħu fil-gvern, lill-politiċi tagħna nkunu qed ngħaddulhom il-messaġġ li ma jkun ġara’ xejn jekk jimlew bwiethom bi flus pubbliċi bi ksur ta’ liġijiet li jkunu għaddew huma stess.