Illum Ċipru għadu kemm ħabbar permezz tat-Twitter li m’hux bi ħsiebu jkompli jbiegħ il-passaporti tiegħu. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li seħħet kontroversja hekk kif f’Awwissu li għadda lill-ġurnalisti ta’ Al Jazeera li ppużaw bħala aġenti ta’ klijent, l-iSpeaker tal-Parlament Ċiprijott qalilhom li seta’ jirranġa biex jinħarġu passaporti Ewropej f’isem persuni maħrubin li huma mfittxijin mill-pulizija Ċiniża.

L-iSpeaker tal-Parlament Ċiprijott inqabad igħid lil dawn il-ġurnalisti li ma kienx ċert għal kollox jekk setgħax jakkwista passaporti ta’ Ċipru għal persuna kriminali għax l-applikazzjoni setgħet dejjem teħel fil-proċess tad-due diligence. Iżda l-politiku korrott lill-ġurnalista qallu li jekk il-“klijent” ma joqgħodx ifittex ix-xagħra fl-għaġina jkun jista’ jakkwistalu passaport Ewropew ta’ pajjiż ieħor.

Aqtgħu liema pajjiż ġieħ f’moħħu! Lill-ġurnalist qallu “jien naf lil Malta” u li hu ħabib mal-presidenti tal-Parlamenti nazzjonali ta’ pajjiżi Ewropej. Li jfisser ukoll li hu ħabib ta’ Anġlu Farrugia.

Il-filmat li jidher hawn isfel jittratta dwar il-programm li qed insemmi.


Dan kollu jammonta għal prova ta’ mġieba ħażina? Dan l-episodju jixbaħ ħafna lill-investigazzjoni li kienet għamlet M6 dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin meta avukati mid-ditta Chetcuti Cauchi Advocates – bejjiegħa tal-passaporti Maltin – lil ġurnalist li kien qed jippoża ta’ aġent ta’ klijent Afrikan b’kondotta kriminali, tah ftit jew wisq l-istess tweġiba li ngħatat lill-ġurnalisti ta’ Al Jazeera.

Huwa veru li avukat li jaħdem mad-ditta Chetcuti Cauchi ma jistax jiġi paragunat mal-iSpeaker tal-Parlament Ċiprijott. Iżda l-verità hi li t-tnejn li huma wiegħdu l-istess ħaġa lill-ġurnalisti li ppużaw ta’ aġenti. Wiegħeduhom li setgħu jirranġawlhom biex jakkwistaw passaport Malti għaliex f’Malta għandhom min jaqlagħhom.

Il-gvern Malti jinsab taħt pressjoni minn naħa tal-Ewropej dwar dawn l-iskemi. Dan l-aħħar ippruvaw jemendaw ir-regoli, iżda kif stqarr Peter Agius riċentement fil-Facebook, essenzjalment kollox baqa’ kif kien. Persuni li m’għandhom ebda rabta ma’ Malta u li m’għandhom ebda intenzjoni li jkollhom rabtiet ma’ Malta xorta waħda qed jirnexxilehom jakkwistaw passporti Maltin.

Dan huwa l-qofol tal-problema: passaport m’huwiex u m’għandu qatt ikun oġġett li jinbiegħ u li jinxtara. U fil-każ tagħna, passaport iġorr miegħu ir-reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha.

Ma nafx kif il-Kummissjoni Ewropea s’issa ħadet il-linja li Malta, bħala membru tal-UE, tista’ liberament tbiegħ iċ-ċittadinanza Ewropea bħallikieku din iċ-ċittadinanza tagħmel parti mill-ġid tagħha. L-Ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa kienu dejjem minn ta’ quddiem nett biex ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-bejgħ tal-passaporti ma kienx biss moralment problematiku, iżda hu wkoll illegali għaliex jittradixxi lill-impenn Ewropew biex, bis-saħħa tal-liġijiet Ewropej, issir għassa mal-fruntieri tal-Ewropa.

Jista’ jagħti l-każ li l-Kummissjoni Ewropea issa bi ħsiebha tqum mir-raqda. Ċipru rtira l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti wara li xxandret l-istorja ta’ Al Jazeera. Iżda x’żamm liċ-Ċiprijotti milli jġibu ruħħom kif konna ġibna ruħna aħna meta kienet ixxandret l-istorja ta’ M6 li kixfet il-ħmieġ kollu dwar il-mod li biħ pajjiżna qed iħaddem l-iskema?

Naħseb li ċ-Ċiprijotti fehmu li kien ser ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-korla tal-pajjiżi Ewropej u li ma kellhomx fuqhiex jibnu argument sod.  Intebħu li ma kienx vallapena għal pajjiżhom li jkompli jirreżisti u li r-reputazzjoni ħażina li jġib miegħu il-bejgħ tal-passaporti kienet ta’ ħsara kbira.

U għandi għalxiex nifhem li l-Ewropej intebħu li ġaladarba Malta qed tbiegħ iċ-ċittadinanza Ewropea li min m’għandu ebda rabtiet ġenwini ma’ pajjiżna, din iċ-ċittadinanza qed tinbiegħ lil min m’għandux rabtiet ġenwini mal-Ewropa.

F’Malta jidher li bosta huma dawk li qed jifhmu li ser ikollna ngħaddu minn nar. Kif is-soltu dejjem nagħmlu.