Inħeġġiġkom taqraw dan l-artiklu miktub mill-Kap tal-PN Bernard Grech f’The Malta Independent tal-lum. Kemm ilha li nqatlet Daphne Caruana Galizia, l-mexxejja tal-PN kienu jkunu kemmxejn ambigwi kull darba li kienu jitkellmu dwar is-suġġett u xi drabi saħansitra anki qabżu għal dawk li taw il-kenn lill-qattiela minflok qabżu għall-vittma ta’ dan id-delitt.
Illum Bernard Grech kien ċar u tond fi kliemu. Lill-familja ta’ Daphne qiemha minn qalbu. Meta espriema l-ammirazzjoni li kellu għall-ġurnalista, ma kkwalifikax kliemu b’xi “imma”. Ma ddejjaqx ifaħħar ir-rwol tas-soċjetà ċivili tul dawn l-aħħar snin. U t-tifħir li kellu għal Therese Comodini Cachia u għal Jason Azzopardi kien f’kuntrast kbir mal-botti nġusti li jweġġgħu lill-qalb li kienu jsiru minn ta’ qablu.
Lill-klassi politika Bernard Grech jappellalha biex titgħallem mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. U liż-żewġ naħat iħeġġiġhom biex ifasslu riformi msejsin fuq ir-rakkomandazzjonijiet li dalwaqt jixxandru mill-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne.
Bernard Grech qed jimpenja ruħu li jkaxkar bl-eżempju.
Bis-saħħa tal-artiklu li huwa xandar illum, beda’ jimxi fuq din it-triq.
Ħaqqu prosit.