Waħda mill-ewwel affarijiet li kien għamel Eddie Fenech Adami wara li fl-10 ta’ Mejju 1987 tela’ t-taraġ tal-Berġa ta’ Kastilja kienet li jżur diversi bliet kapitali Ewropej. U minnufih beda’ x-xogħol kbir li kellu jwassal biex Malta toħroġ għal kollox miż-żminijiet tal-purtiera tal-ħadid ta’ Dom Mintoff u ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Parti minn dan ix-xogħol kien li Malta turi lill-gvernijiet Ewropej li fit-tmun tagħha m’għadx hemm mexxejja kkalzrati mal-ideoloġija u li issa kellha mexxej li wieħed seta’ jorbot fuqu.

Dan kellu jkun il-bidu.

Jidher li hemm uħud li moħħhom biss biex jagħtu stampa qarrieqa ta’ dak li seħħ fil-pajjiż fis-snin 70 u 80. Lil dawk li twieldu wara l-1987, hemm min irid li jpinġihom bħala snin li ma kienux daqshekk koroħ daqskemm jiftakru li kienu missierijiethom. Issa jeħtieġ nifhmu li fil-konfront ta’ numru ta’ figuri storiċi tul il-medda taż-żmienijiet, għandna nsibu kemm ammiraturi kif ukoll reviżjonisti. Maximilien Robespierre kellu ntenzjonijiet tajbin. Fi żmien Benito Mussolini, l-ferroviji kienu jaħdmu fil-ħin. Mao Zedong ra li kulħadd ikollu skutella ross biex jitrejjaq. Karmenu Mifsud Bonnici kien soċjalista awtentiku.

Iżda l-verità hi li, tiftakar x’tiftakar mis-snin 80, fis-sena 1987 Malta ma kienitx pajjiż fdat mill-komunità internazzjonali.

Kien Dom Mintoff li ra kif għamel biex għamel bsaten fir-roti kemm felaħ fil-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa. Dan ukoll seħħ fi żmien li fih Mintoff kien ċeda l-infrastruttura tas-sigurtà Maltija lil Mu’ammar Gaddafi, politiku ieħor li d-dinja kienet tħares lejh b’ċertu suspett.

Malta setgħet kellha jew setgħet ma’ kellhiex x’taqsam mal-każ Lockerbie. Iżda kienet ċertament tat daqqa t’id lil Gaddafi meta l-Punent kien irreaġixxa vjolentement għat-terroriżmu tiegħu. In-“non-allinjament” kien iżolana minn ma’ kulħadd. U naffarna wkoll lil tal-Kunsill tal-Ewropa minħabba r-rekord negattiv fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet tal-bniedem. Kien tort tal-inkompetenza tagħna li, meta seħħ il-ħtif tal-Egypt Air, kienu ntilfu ħajjet tant persuni. Fl-1987, Malta kienet weħidha.

Fl-1987, il-gvern il-ġdid ta’ Eddie Fenech Adami ried jibda’ paġna ġdida u ried juri lid-dinja li minn dakinhar ‘il quddiem Malta kienet ser tkun pajjiż li wieħed seta’ jafdaħ u jorbot fuqu.

L-għaqal kien wassal għall-ħsad u fl-1989 l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika kienu għażlu lil Malta biex tospita laqgħa għolja li simbolikament difnet lill-Gweera l-Bierda. Ftit xhur wara,  l-Papa Ġwanni Pawlu II żar Malta u tkellem dwar il-“vokazzjoni Ewropea” tagħha. Il-kuntest ta’ dik iż-żjara storika ta’ sikwit jintnesa’: din seħħet fi żmien li fih ir-reġimi ta’ wara l-purtiera tal-ħadid fl-Ewropa tal-Lvant kienu qed jaqgħu wieħed wara l-ieħor u fost dawn kien hemm ir-reġim li kien qed jaħkem pajjiż il-Papa stess – il-Polonja. Din l-ewwel żjara papali f’Malta tat bidu għar-riabilitazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja.

Għalżmien pjuttost twil, dan ma kienx biżżejjed. Xahar wara ż-żjara tal-Papa, Malta applikat formalment biex tissieħeb fil-Komunità Ewropea (illum iġġib l-isem Unjoni Ewropea). Dak iż-żmien l-atmosfera f’Malta kienet waħda ottimista: is-snin koroħ ta’ bejn 1971-1987 kienu għaddew u kien wasal żmien il-ħsad.

Iżda ma kellux ikun. Meta fl-1995 il-Komunità Ewropea fetħet il-bibien tagħha biex jissieħbu aktar stati membri, kienu ssieħbu l-Awstrija, l-Isvezja u l-Finlandja. In-Norveġja u l-Isvizzera għażlu li ma jissieħbux. U Malta, minkejja l-ħeġġa li kellha, tħalliet tistenna’ fuq l-għatba. Xi stati membri kienu tal-fehma li Malta ma kienitx pajjiż serju biżżejjed: ma setgħetx tittieħed bis-serjetà minħabba ċ-ċokon tagħha u, minħabba dak li kien seħħ fl-imgħoddi, ma setgħetx tiġi fdata.

Il-Maltin ħadu għalihom bil-kbir u fl-1996, l-ewwel ħaġa li kien għamel il-Prim Ministru l-ġdid Alfred Sant kienet li jiffriża l-applikazzjoni ta’ Malta biex tissieħeb fl-Ewropa.

Iżda mbagħad f’Malta seħħ dak li ħadd ma kien stenna’ li kien ser iseħħ. Fl-1998 Malta reġa’ bdielha u reġgħet ħabbtet fuq il-bibien tal-Unjoni Ewropea u bil-mod il-mod sal-2004 sabet postha fi ħdanha.

Il-politika barranija ta’ Malta mill-2013 ‘l quddiem irriduċiet lill-pajjiżna fi stat tal-furbani. Il-liġijiet tar-Renju Unit jikklassifikaw lil Malta bħala ġurisdizzjoni finanzjarja ta’ riskju għoli fejn jidħlu l-ħasil ta’ flejjes maħmuġin u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Jiżbalja bl-ikraħ min jipprova jnaqqas is-severità u s-serjetà ta’ dan kollu.

Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed issa qed inħejju biex niddikjaraw dritt fuq żona ekonomika esklussiva fil-Mediterran Ċentrali iżda fl-istess waqt m’aħniex lesti li nerfgħu r-responsabbiltà li nsalvaw li min ikun fil-periklu li jegħreq f’din iż-żona. Il-liġijiet internazzjonali qed nippruvaw ngħawwġuhom kemm nistgħu u ninterpretawhom kif jaqblilna. Nitkellmu favur l-integrazzjoni reġjonali għax nafu li nistgħu naqilgħu lira iżda rridu nżommu f’idejna d-“dritt” li pajjiżi oħrajn nisirquhom minn dak li suppost hu dovut lilhom f’dawk li huma taxxi.

Ara ma tmorrux taħsbu li l-gvern ta’ Malta nidem wara li għen lill-mexxejja tar-reġimi ta’ pajjiżi bħall-Azerbajġan, Venezwela u Angola biex jaħbu l-ġid tagħhom u fl-istess waqt ta l-kenn u l-appoġġ lil Iranian biex joħloq bank Ewropew biex ikun jista’ jaqdihom. U Malta għadna sal-lum tirrifjuta li tressaq fil-qorti lil kull min kien imdaħħal f’dawn ir-reati kriminali.

Din hi r-raġuni wara d-deċiżjoni li ttieħdet mill-gvern biex jinbiegħu passaporti lill-membri tal-oligarkija ta’ Vladimir Putin u lil ħallelin oħrajn u baqa’ jinsisti li jagħmel dan quddiem il-qorti internazzjonali bi “dritt”.

Fi kliem ieħor, lid-dinja qiegħdin ngħidulha li “Aħna Furbani”: ma nagħmlux biss dak li għandna nagħmlu. Nagħmlu dak li nistgħu għax ‘Malta l-ewwel u qabel kollox’.

Id-differenza mil-lum hi li fl-1987 kien tfassal pjan biex tinbeda’ paġna ġdida b’risq ir-rijabilitazzjoni ta’ Malta. In-non-allinjament kellu jitwarrab iżda n-newtralità kellha tinżamm. Kellha tinżamm distanza rispettabbli minn mal-Libja u fl-istess ħin jiġu mħarsa l-interessi kummerċjali tal-pajjiż. Kellha tinfetaħ l-ekonomija, kellhom jiġu żarmati t-tariffi u l-kontrolli fuq il-kambju. Kellna nimpenjaw ruħna favur il-valuri tal-Kunsill tal-Ewropa u nerġgħu nirrispettaw id-drittijiet tla-bniedem. Kellna wkoll nibdlu l-liġijiet tagħna biex stajna nissieħbu fil-Komunità Ewropea mal-ewwel okkażjoni li tiġina.

Iżda minkejja l-fatt li kien tfassal pjan ċar, Malta damet mill-1987 sal-2004 biex infdiet  f’għajnejn id-dinja (b’pawsa li kważi kienet katastrofika fl-1996).

Li kieku fl-1987 Eddie Fenech Adami qal li kellu jdum 17 il-sena biex seta’ jaqta l-frott, bosta partitarji kienu jarawh bħala pjan impossibbli li jseħħ.

X’għandu jkun il-pjan fiċ-ċirkostanzi tal-lum? Għandna nirristrutturaw l-ekonomija biex din ma tibqax tiġi msejjsa fuq taxxi baxxi? Għandna niggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għall-immigranti? Għandna nressqu fil-qorti l-bankiera korrotti u lill-mafjużi? M’għandniex nibqgħu nbiegħu l-passaporti?

Le. Għallinqas dak huwa s-sinjal li ġej minn naħa tal-Oppożizzjoni li ta’ sikwit tfakkarna li li “unika alternattiva għal tal-Labour”.

Bernard Grech qed igħid li r-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja għandha tissewwa fi żmien 90 jum minn dakinhar li jsir Prim Ministru. Iżda għaliex? Kif?

Dawk li kkummentaw dwar din l-istorja li ġiet stampata biex tħajjar lin-nies jixtru  proprjetà f’Malta fit-Times ta’ Londra għaliex għandu jerġa’ jibdielhom dwarna dan kollu għaliex minflok lil Robert Abela jkollna biex imexxina lil Bernard Grech?

Ċertament ikun ingħata bidu. Iżda dejjem tibqa’ dik l-“imma”.