Silvio Valletta, Rosianne Cutajar, Lawrence Cutajar, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Joseph Muscat, John Dalli, Joe Cuschieri, Edward Scicluna, Chris Cardona, Michelle Muscat, Carmelo Abela. Ilkoll ismijiet magħrufin. Ilkoll persuni li suppost sabu ruħħom f’baħar ta’ inkwiet meta nkixfu dwar dak li allegatament wettqu. Wħud minnhom ilhom fiċ-ċentru tal-aħbarijiet għal snin sħaħ. Uħud minnhom sa minn Frar tal-2016 u dan f’pajjiż li dak iż-żmien kien differenti minn dak li hu llum. Żmien li konna mingħalina li l-agħar ħaġa li tista’ sseħħ fil-pajjiż kienet arloġġ tal-lira. Żmien li fih Daphne Caruana Galizia kienet għadha mimlija bil-għomor.
Minn dakinhar ‘l hawn seħħet bidla fit-tmexxija tal-korp tal-pulizija. Wħud mill-uffiċjali notorji tal-pulizija nqalgħu ‘l barra u ngħata r-riedni Anġlu Gafà li wiegħed ġustizzja fi żmien raġjonevoli mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Iżda dawk li twarrbu għadhom jiġru barra. U mid-dehra, dawk li sal-lum baqgħu jgħadduha lixxa, ser jibqgħu jgħadduha lixxa għal dejjem. Kulma jonqoshom hu li ma nkomplux ninsistu li ssir ġustizzja magħhom. Kulma jonqoshom hu li ma nibqgħux insusu wara l-pulizija biex niżguraw li dawn jaqdu dmirhom kif suppost.
Repubblika se tniedi konferenza stampa quddiem il-bieb tal-Kwartier Ġenerali tal-Pulizija għada fis-7 pm. Jekk ser tkun fl-inħawi, nistiednuk tattendi biex tisma’ x’għandna xi ngħidu.
M’hemm ebda liġi li żżommna milli lill-pulizija ngħidulha x’inhi l-fehma tagħna fuq l-għatba tal-bieb prinċipali tagħhom.
🚨STAY TUNED 🚨 PRESS CALL Il-bżonn li l-pulizija jieħdu passi fil-qrati kontra klassi ta’ nies li jaħsbu li għax għandhom il-poter u l-flus, ma jista’ għalihom ħadd. Għada, 20 ta’ Lulju, 2021 fis-7:00pm, quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana @MaltaPolice pic.twitter.com/6iIgsgcSZu
— repubblika 🇲🇹 #JusticeForDaphne 🌿 (@repubblikaMT) July 19, 2021