Jien nammira dawk il-ġurnalisti li jħossu l-ħtieġa li jisfidaw lill-awtoritajiet li jippruvaw jikkastigawhom talli dawn jagħżlu li jkunu vertjieri fir-rappurtar tagħhom u ma jbagħbsux rapporti biex jintogħġbu ma’ dawn l-istess awtoritajiet. Iżda l-kap tal-aħbarijiet tal-istazzjon televiżiv nazzjonali m’hix ġurnalista. Hi biss propagandista tal-Partit Laburista li tqiegħdet fejn tinsab illum appuntu għaliex hi propagandista Laburista.

Skont il-Kostituzzjoni, x-xandir pubbliku għandu jkun wieħed bilanċjat u mparzjali u għandu jsemma’ l-qniepen kollha lill-udjenza tiegħu. Madankollu, Norma Saliba moħħha biss biex issemma’ qanpiena waħda.

Jason Azzopardi kien iddeċieda li dan jikkontestah quddiem l-Awtorità tax-Xandir li hi istituzzjoni maħluqa apposta mill-Kostituzzjoni biex tara li x-xandir pubbliku jkun wieħed imparzjali u ġust. F’Ġunju li għadda, l-Awtorità tax-Xandir tat raġun lil Jason Azzopardi u ordnat lill-PBS biex ixandar tweġiba li kien għamel. Tal-PBS lill-Awtortà tax-Xandir injorawha.

Jason Azzopardi, li nzerta li hu bniedem li ma jċedix kif ġieb u leħaq, reġa’ mar quddiem l-Awtorità tax-Xandir u lmenta mill-fatt li l-ordni li kienet inħarġet f’Ġunju kienet ġiet injorata mill-PBS.  L-Awtorità reġgħet iddikjarat li Jason Azzopardi kellu raġun u ordnat lil Norma Saliba xxandar it-tweġiba tiegħu u żiedet il-multa li kienet waħħlet lill-istazzjon nazzjonali bi ftit inqas minn €6,000.

Iżda Norma Saliba wriet li tiġi taqa’ u tqum. Wara kollox, is-€6,000 mhux minn butha ser joħorġu. Din m’hi tagħmel xejn ħlief tikkopja lis-sidien politiċi tagħha f’dik li hi ndifferenza lejn il-liġijiet, lejn l-istituzzjonijiet tal-Istat u lejn l-etika bażika ġurnalistika. U sadattant qed tkompli xxandar il-propaganda moqżieża qisha m’hix hi.

Wara kollox, ġaladarba lil Konrad Mizzi ħadd ma jażżarda jmissu minkejja t-tixħim, il-ħasil ta’ flejjes u l-korruzzjoni, Norma Saliba għaliex għandha toqgħod tikkonfondi?

L-ilment oriġinali ta’ Jason Azzopardi kien talli tal-PBS kienu xandru l-attakki u x-xiljiet li kien għamel Carmelo Abela fil-konfront tiegħu. U meta Jason Azzopardi wieġeb, tal-PBS baqgħu ma xandru xejn.

Iżda mhux biżżejjed li tkun Laburista leali tal-qalba tafux! Lill-pupazzi tiegħu, Carmelo Abela jħobb iżommhom ma djulu. F’dan ir-ritratt ta’ hawn taħt jidher waqt żjara li għamel f’Ruma aktar kmieni din il-ġimgħa. Għal raġuni li m’hix magħrufa, fid-delegazzjoni kien hemm ukoll Norma Saliba.

Lanqas biss jistħu juru fil-beraħ kemm jafu jaqgħu fil-baxx.

Għaliex tassew trid tkun ilħaqt il-qiegħ. Bħalissa l-pajjiż kollu, ibda’ mill-ħaddiema tal-ajruport innifihom, jinsab fuq ix-xwiek minħabba l-proċeduri li saru għal min itir lejn Malta. U għal tat-TVM dan it-tħassib tan-nies jirrappurtawh bħallikieku kien xi rapport tax-xandir ta’ wara l-Purtiera tal-Ħadid. Dawn qalu li: “Turisti Ngliżi jgħidu li ma kellhomx għalfejn joqgħodu jistennew biex jiġu mgħarbla dwar l-imxijja Covid”.

Tal-Awtorità tax-Xandir ma jistgħux iġiegħlu lil Norma Saliba xxandar il-verità. Il-verità ma tħallaslekx l-ikliet f’Ruma. Iħallashom Carmelo Abela. U hi l-kumpannija li tħallas il-multi tar-regolatur.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar hi l-Kaxxa ta’ Malta li tħallas għal dawn l-ikliet u l-multi.