Wara r-“riżenja temporanja” tagħha, Robert Abela ma setax jaqbad u jerġa’ jdaħħal lil Rosianne Cutajar fil-kabinett. Li kieku seta’, ibqgħu ċerti li kien jerġa’ jdaħħalha. Iżda jeħtieġ niftakru li r-“riżenja temporanja” tagħha kienet seħħet għaliex George Hyzler kien beda’ l-investigazzjoni tiegħu. Hi kienet konvinta li ma kienitx ser tinstab ħatja. Ġara’ bil-maqlub u l-karta s-safra li qalgħet dlonk saret ħamra.

Din Rosianne bħal donnu skantat li ma tistax iddaħħal f’butek ftit inqas minn €50,000 u ma tiddikjarahomx għal skopijiet ta’ taxxa u għal dawk tad-dikjarazzjoni parlamentari tad-dħul. Tenut kont tal-livelli baxxi li waqajna fihom bis-saħħa ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi, ma tistax tagħtiha tort sa barra.

Din bħal speċi stenniet li, dwar din il-kwistjoni, kellha tgħaddi tagħha. U ma tistax ma tlumhiex għaliex il-presenza tagħha fil-politika hi msejsa fuq suċċess li hi m’għamlet xejn biex akkwistatu. U l-hekk imsejjħin “ħbieb” li għandha akkwistaw ir-reputazzjoni li għandhom bis-saħħa ta’ aspettativi li jixbħu lil dawk ta’ Rosianne Cutajar.

Araw ftit x’kitbet “ħabibitha” Sandy Mallia. Din l-imbierka jidher għandha nostalġija għal żmien Joseph Muscat li ċertament lil Rosianne Cutajar kien jagħtiha l-kenn u kien iżommha fil-kabinett.

Sandy Mallia u Rosianne Cutajar ilhom midħla ta’ xulxin. Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kienet kitbet Daphne Caruana Galizia li, qabel kulħadd, lil Rosianne Cutajar kienet xammitha sewwa meta din kienet għadha s-Sindku ta’ Ħal Qormi.

Iżda tmorrux taħsbu li Rosianne Cutajar għandha xi sens ta’ lejaltà fil-konfront tal- ħbieb tagħha. Saħansitra anki lil George Hyzler bellħitu bil-mod li bih tkellmet ma’ Yorgen Fenech dwar dak li suppost huwa l-ħabib lejali tagħha Charlie t-Tikka.

Issa biex tkompli tgħaxxaqha dan Charlie t-Tikka għadu għaddej jikteb fil-Facebook biex jiddefendi lil Rosianne Cutajar u biex jgħid li din hi innoċenti, u dan minkejja l-fatt li ftit huma dawk li qed jieħduhom bis-serjetà. X’aktarx li t-Tikka ma ntebaħx bid-diskors li Rosianne kitbet dwaru minn wara dahru ma’ dak li hu meqjus bħala l-maħbub tagħha – Yorgen Fenech.

Il-kelma ‘maħbub’, flimkien ma’ affarijiet oħra, tinsab imwaħħla fil-gerżuma ta’    Rosianne Cutajar. Aqraw ftit il-mod li permezz tiegħu lil George Hyzler tiddeskrivilu r-relazzjoni li għandha mal-mafjuż li jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

U l-ħbieb, jew il-ħbieb tal-ħbieb, għad fadlilha minnhom. L-interessi ta’ Yorgen Fenech għadhom qed jiġu mħarsa fil-Parlament minn Glenn Bedingfield li għal diversi drabi ra kif għamel biex jipprova jimmina l-każ li nġieb mill-Istat kontra l-mafjuż. U għadhom qed jiġu mħarsa wkoll mill-membru l-ieħor maħtur mill-gvern fuq il-kumitat dwar l-“istandards fil-ħajja pubblika” Edward Zammit Lewis li tgħidx kemm isir għarqan xraba kull meta jiġi mistoqsi dwar ir-relazzjoni li għandu ma’  Yorgen Fenech.

Bedingfield u Zammit Lewis, bħala l-membri tal-gvern fuq il-kumitat parlamentari, mistennija juru l-ħbiberija tagħhom fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar. U meta tgħaqqad din il-ħbiberija man-nuqqas ta’ sinsla ta’ Anġlu Farrugia, wieħed ikun jista’ jgħid li Rosianne Cutajar għandha l-impunità tagħha garantita. L-elezzjoni ġenerali tinsab wara l-bieb. Kull ma tkun teħtieġ ikunu xi żewġ kaxxi larinġ u mbagħad nerġgħu narawha tinsaq mix-xufier u tkompli taqla’ lira minn xi senserija mingħand il-kriminali.

Din igħidulha r-rieda tal-poplu.

Rosianne Cutajar kienet rebħet libell kontra persuna li kien stqarret il-kliem “il-qaħba milli jkollha ttik” fil-konfront tagħha. U mbagħad rebħet libell ieħor kontra min kien qabel ma dawn il-kelmiet. U lili tal-aġenzija ta’ kontra l-vjolenza domestika għal ftit ma dendlunix f’pjazza wara li Rosianne Cutajar xlietni li jien naqbel mal-vjolenza meta jien kont għaddejt rimarka dwar is-superfiċjalità metodika tal-Instagram account tagħha.

Għaldaqstant għandna noqgħodu attenti kif inqiegħdu l-kliem.

Iżda Rosianne Cutajar żgur ma tistax tħarrikna minħabba dak li bħalissa jinsab għaddej minn moħħna.