Ma kellniex għalfejn nisimgħuha mingħand tal-Kummissjoni Ewropea biex stajna nifhmu li d-dewmien eżaġerat li hemm fil-qrati tagħna huwa ta’ theddida għas-saltna tad-dritt. Id-dewmien fil-ġustizzja huwa n-negazzjoni tal-ġustizzja nnifisha.
Nieħdu l-“iskandlu taż-żejt”. Lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2013, tal-Malta Today kixfu każ ta’ tixħim u ta’ korruzzjoni fl-Enemalta fejn għandu x’jaqsam ix-xiri ta’ żjut għall-produzzjoni tad-dawl elettriku. Dan l-iskandlu kellu jagħmel ħsara lill-gvern Nazzjonalista. Iżda dak il-gvern kien mexa’ skont il-kuxjenza u l-awtoritajiet tal-pulizija u l-istituzzjonijiet xlew lil kull min kien suspettat li kellu x’jaqsam kompriż il-maħtur tal-gvern biex imexxi l-Enemalta, Tancred Tabone.
Għaddew dawn is-snin kollha u sal-lum għadu ma weħel ħadd. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa’ b’nofs qalb. L-akkużati qed ipinġu lilhom infushom bħallikieku huma l-vittmi ta’ proċess li, bi ħsieb u apposta, m’hemmx li naraw it-tmiem tiegħu. Milli jidher dan il-proċess mhux ser naraw tmiemu, iżda ser nispiċaw biex ikollna nħallsu l-kumpens lill-akkużati.
Il-bużillis tfaċċa meta fiċ-ċentru tal-“iskandlu taż-żejt” inkixef l-isem ta’ Tarcisio Mifsud, eks impjegat għoli tal-Enemalta li jiġi ħu Alfred Mifsud, persuna li kienet timpjega lil Joseph Muscat. Bi ħbieb bħal dawn, x’jista’ qatt jonqsok?
Fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kmieni f’Diċembru tal-2017 kienu ġew mixlija fil-qorti tliet persuni. Wieħed minnhom ammetta l-akkużi u weħel sentenza mnaqqsa ta’ ħabs. Il-ġuri taż-żewġ akkużati l-oħrajn għadna ma nafux meta ser isir. U wisq inqas nafu meta ser igħaddu ġuri Yorgen Fenech, l-aħwa tal-Maksar u Jamie Vella.
L-istess jista’ jingħad dwar il-każ ta’ frodi li fih allegatament huwa mdaħħal John Dalli fejn sfaw vittmi numru ta’ Nsara Amerikani li kienu ngħataw x’jifhmu li flushom kienu ġew investiti għall-karità fl-Afrika meta fil-fatt il-ġid tagħhom mar fil-bwiet ta’ konġura ta’ kriminali. Mal-medda taż-żmien, spiċċaw biex mietu bosta mill-membri ta’ din il-konġura.
Biex seta’ jaħbi l-involviment tiegħu, John Dalli nqeda’ biż-żewġ uliedu. Iva, sa hawn jaf jasal dan il-bniedem. Għaddew is-snin u l-każ li hemm pendenti fil-qorti kontra l-aħwa Dalli għadu ferm ‘il bogħod milli jintemm. Naqta’ rasi li ser jasal żmien li fih jibdew igħidu li ulied John Dalli huma vittmi, mhux biss ta’ missierhom, iżda wkoll ta’ sistema ġudizzjarja li m’għandhiex il-ħila li tixħet kriminal finanzjarju l-ħabs.
Il-gvern jinsab taħt pressjoni biex itejjeb il-qagħda. Tal-FATF huma ħerqanin li jaraw ir-riżultati u issa ngħaqdu magħhom tal-Kummissjoni Ewropea. B’riħet dawn l-iżviluppi, wieħed kien jistenna’ li l-gvern ifittex soluzzjonijiet li huma mill-ewl id-dinja: proċeduri riformati u simplifikati, proċessi tal-qorti diġitalizzati, żjieda fin-numru ta’ maġistrati, mħallfin u prosekuturi, żjieda fil-faċilitajiet u investiment fit-taħriġ.
Fi kliem ieħor, wieħed kien jistenna’ li l-gvern ma jibqax jipprova jinforza l-liġijiet bis-saħħa tal-istess infrastrutura ta’ żminijiet li fihom il-popolazzjoni tal-pajjiż kienet madwar nofs dik li hi llum u li fihom il-prodott ekonomiku kien ferm iżgħar minn dak li hemm illum. Il-qrati tagħna llum huma meħtieġa li jinfurzaw il-liġijiet Ewropej u huma mistennijin ukoll li jieħdu passi fil-konfront ta’ reati finanzjarji kumplessi li snin ilu ma kienux kunsidrati bħala reati kriminali.
U minkejja dan, bqajna bl-istess numru ta’ mħallfin u maġistrati. Ebda wieħed minn dawn ma’ ġie mħarreġ biex jaħdem bħala ġudikant u dawk il-waħdiet fosthom li għandhom taħriġ tekniku dwar reati kriminali finanzjarji, f’ħoġorhom għandhom xogħol ieħor ukoll.
Diffiċli li twettaq tibdiliet radikali f’sistema li sserraħ fuq it-tradizzjonijiet tagħha. U din kienet waħda mir-raġunijiet il-għala l-gvern għadda biex għażel soluzzjonijiet li huma l-eħfef.
Il-gvern qed jagħmel minn kollox biex inaqqas il-piż tal-infurzar tal-liġijiet minn fuq il-qrati u jgħaddih lil istituzzjonijiet oħrajn li ma jserrħux fuq it-tradizzjonijiet u fuq l-istorja u li allura il-gvern igħid li huma aktar effiċjenti.
Dan jista’ jsir kull meta r-regolaturi jingħataw is-setgħa li jagħmluha ta’ awtoritajiet bis-saħħa li jwaħħlu l-multi fuq dawk li jinvestigaw huma stess. Metodu bħal dan diġà ġie dikjarat kemm il-darba bħala metodu li jikser il-Kostituzzjoni u l-gvern issa qed jilmenta dwar id-deċiżjoni li ħadet l-Oppożizzjoni li tagħlaq il-bieb biex b’hekk il-gvern ma jitħalliex jibdel u jikser l-ogħla liġi tal-pajjiż.
U l-bieraħ il-gvern ħabbar metodu ieħor dwar kif ikun jista’ jsib tarf tad-dewmien fil-qorti: bi ħsiebu “jiddepenalizza r-reati minuri” u r-responsabbiltà tal-qtugħ ta’ kawżi bħal dawn ser tgħaddi mingħand il-maġistrati għal għand il-kummissarji li jippresjiedu t-tribunali lokali mmexxijin mill-kunsilli lokali.
S’hawn m’hu ser isir xejn ġdid u m’hemm xejn ħażin. Akkuża dwar, ngħidu aħna, imġieba xurbana m’għandhiex għalfejn tinstema’ f’kawża li ssir fil-bini tal-qorti fil-Belt Valletta jew fir-Rabat t’Għawdex. Kawżi ta’ reati minuri bħal dawn jista’ jieħu ħsiebhom tribunal lokali li għandu wkoll jismagħhom b’ħeffa u jwaħħal multi amministrattivi minflok igħaddi l-akkużati minn proċeduri kriminali sproporzjonati.
Allura l-problema f’hiex tikkonsisti? Il-gvern huwa fid-dmir li jipprovdi l-ġustizzja proporzjonata b’ħeffa. Iżda għandu jiggarantixxi wkoll li jkun hemm smiegħ xieraq. It-tribunali lokali huma diċentralizzati, diġitalizzati, jaħdmu b’ħeffa u huma relattivament effiċjenti. Iżda huma wkoll immexxijin minn part-timers li jaqilgħu dik ix-xi ħaġa żejda bil-grazzja tal-ministru.
Il-kummissarji tal-ġustizzja li jmexxu t-tribunali lokali huma avukati magħżulin mill-ministru tal-ġustizzja, jitħallsu bit-tant fis-siegħa, u għalkemm – fuq il-karta – ma jistgħux jitkeċċew, dawn jitqabbdu għal sentejn u l-kuntratt tagħhom jista’ jiġġedded biss jekk ikun irid il-ministru.
Konna għamilna kjass sħiħ dwar il-kwistjoni tal-għażla tal-imħallfin u l-maġistrati li kienu jintagħżlu biss mill-gvern (biex fl-aħħar għaddiet tagħna). U l-problema ser tibqa’ kemm il-darba tfeġġ il-problema tal-għażla fit-tribunali lokali wkoll li ser jingħataw is-setgħa li jisimgħu kawżi dwar ir-relazzjonijiet ta’ bejn l-impjegati u min iħaddem, liċenzji tat-telekomunikazzjoni, garanziji ta’ privatezza u talbiet għall-ażil mill-immigranti.
Biex ikun hemm smiegħ xieraq, jeħtieġ li l-Istat jigarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura. Biex ikun hemm l-indipendenza, l-ġudikanti ma jistgħux jintagħżlu mill-ministru. U l-ministru ma jistax jingħata s-setgħa li jkeċċi ġudikant jew jikkonfermah fil-ħatra.
Madankollu, wasalna s’hawn
Idea brillanti…… iżda hemm xi ħadd li ndenja ruħu li jagħti daqqa t’għajn lejn l-ismijiet tal-kummissarji maħturin direttament mill-Ministru? https://t.co/xA09R718sh https://t.co/p0fw11dDe7 pic.twitter.com/GRNXph5ot1
— BugM (@bugdavem) July 21, 2021
Bis-saħħa ta’ dawn ir-riformi Anna Mallia – li, fost ħatriet oħra, ngħatat il-ħatra ta’ kummissarju tal-ġustizzja – ser jiżdiedulha l-kompetenzi biex tkun tista’ tisma’ kawżi li sal-lum huma mħarsin mill-garanziji li tagħti qorti ordinarja mmexxija minn maġistrat indipendenti. Din hi Anna Mallia, l-avukat ta’ Yorgen Fenech. Tistgħu timmaġinaw lil xi għadu anti-mafjuż ta’ Yorgen Fenech jidher quddiemha biex taqtagħlu l-kawża.
Il-kompetenzi ser jiżdiedu wkoll għal kummissarji oħra bħal Luciano Busuttil, baħnan prim li ma tantx tista’ ssib x’tifdi fih.
Jista’ wkoll jagħti l-każ li jkollok tidher quddiem Alessandro, iben Pawlu Lia jew quddiem Martina Herrera, bint Josè. Jew inkella quddiem il-kandidat Laburista Chris Cilia.
Mhux il-kummissarji kollha huma pupazzi tal-gvern. Iżda l-kwistjoni m’hix din. Il-kwistjoni kollha hi li ċ-ċittadin għandu jiġi mħares mill-pressjoni politika li tista’ timmina l-indipendenza ta’ dawk li jingħataw is-setgħa li jaqtgħu s-sentenzi.
Is-soluzzjoni li ħareġ biha l-gvern biex isib tarf tad-dewmien fil-qrati ser twelled żewġ problemi: (i) l-imminar tad-dritt ta’ smiegħ xieraq u (ii) l-qrati tal-maġistrati ser jibqgħu bl-istess problemi ta’ nuqqas ta’ kompetenza, nuqqas ta’ esperti u nuqqas ta’ proċeduri diġitalizzati li jimxu b’aktar ħeffa.
Fi kliem ieħor, minflok fassal riformi li huma meħtieġa u li issa qed jitolbuhom ukoll tal-FATF u tal-Kummissjoni Ewropea, l-gvern ser inaqqas il-kompetenzi tal-qrati.
Min jaf? Jekk niġu għal dan, Edward Zammit Lewis għad ifettillu jabolixxi l-ġudikatura u hu u sħabu għad jibdew jiddeċiedu kollox huma.
Mhux hekk sewwa, jewwilla?