Tibda’ tintebaħ li m’intix tgħix f’pajjiż demokratiku meta l-politiċi u l-galoppini tagħhom juru li ma jiddejjqu xejn li jċemplulek id-dar u jiffittawk biex tivvutalhom, iżda jekk tażżards tikteb lill-iSpeaker tal-Parlament igħidulek li ma tistax tiktiblu u li ma kienx ser iwieġbek.
Żewġ iħbieb tiegħi sfidaw l-ordni tal-iSpeaker sabiex ħadd ma jibgħat ittri fil-kaxxa tal-ittri tiegħu. Aqraw dawn l-email li ġejjin li ntbagħtu lil [email protected] minn Andrew Borg Cardona u minn Alessandra Dee Crespo. Int li qed taqra’ jmissek titħajjar tiktiblu u tgħaddihielu waqt il-protesta li ser issir il-lejla barra l-bini tal-Parlament.
Onorevoli
Illejla ġejja ftit sal-Parlament bil-borom biex nagħmel naqra storbju għax irridu nimlew is-silenzju tiegħek fejn jidħlu d-doveri tiegħek lejn id-demokrazija parlamentari ta’ pajjiżna. Dan mhux qed ngħidu jien, biss imma rapport wara rapport fil-gażżetti, kif ukoll kummentaturi politiċi ta’ stoffa.
Meta ngħid li ġejja sal-parlament jiġifieri ser noqgħod barra għax inti ma tħallix lill-poplu jidħol f’Daru, Sur Speaker. Ġa ġejt 3 darbiet ma’ sħabi biex nidħlu f’Darna (darbtejn waqt il-Protesti tal-2019 u darba din is-sena) imma Inti, użajt il-iSkrivan tal-Kamra biex ma ddaħħalniex. Miskin dan l-iSkrivan tal-Kamra ttih x’jagħmel…kemm hu ‘ubikwixux’… Daqqa ma jħalliniex nidħlu, daqqa jkaxkar saqajh biex jagħtina permess biex nagħmlu l-Wirja f’għeluq l-4 snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem il-Parlament, u daqqa tqabbad lill-Avukat tiegħek, il-Professur Ian Refalo, biex jgħid lil Matthew Caruana Galizia biex jikteb lil wieħed lil dan il-povru Skrivan tal-Kamra, u mhux Lilek. Bl-aġir tiegħek toħloqli tentazzjoni li nirreferi għalik bhala ‘Maestà’ li żgur tkun pożizzjoni ta’ lèse-majesté min-naħa tiegħi.
Ġa ġejna kemm-il darba quddiem il-Parlament, kif taf, Sur Speaker. Imma ma daħħaltniex għax qistna mhux għall-altezza..talli nipprotestaw il-ħniżrijiet u l-abbuż lampanti ta’ poter minn rappreżentanti tal-Gvern. Sur Speaker, il-kriminali m’aħniex aħna, il-kriminali huma xi wħud li jpoġġu fuq il-bankijiet tal-Grupp Parlamentari Laburista. Quddiemek hemm żewġ tipi ta’ kriminali: dawk li bil-provi għamlu atti kriminali u korrotti – hemm min seraq mill-flus tal-Kaxxa ta’ Malta biex jagħmel riklami politiċi – għalik qed ngħid Carmelo Abela, mhux imbilli hemm min jgħidlek ‘Brava persona’ għax qisek qaddis miexi fl-art; hemm is-sensara ta’ Yorgen Fenech, li tridha ta’ ‘Onorevoli’ Rosianne Cutajar, li daħlet kemmxa sewwa minn deal ta’ propjetà € 46,000 (allegatament, hux) + birthday present € 9,000 mingħand Fenech u ma ddikjarathomx. U mhux biss, talli rċeviet dawn il-flejjes u fl-istess ħin qamet tiddefendih fl-Ewropa u fil-Parlament. Int għattejtilha, Sur Speaker. U dan mhux sewwa. Taparsi tajtha ċanfira li kelli naqraha iktar minn darba biex nifhem x’ridt tgħid eżatt. Kienet qisha xi copy li tagħtek it-tiċer u għamiltha kontra qalbek.
Hemm imbagħad il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis li nqabad jinnamra ma’ Yorgen Fenech anki li wara li sar jaf li Fenech huwa l-propjetarju tal-kumpannija sigrieta 17 Black. Int lil dawn, u iktar, kollha qbiżt għalihom, għax skont l-ittra tal-avukat Tiegħek, qed taħdem ‘fl-aħjar interessi tad-demokrazija u tal-Gvern demokratiku ta’ Malta’. Jaħasra, għandek bżonn terġa’ taqra l-Erskine May, u le, dak mhux kowt tal-fer. Bilħaqq, għax ma tissuġġerix li Malta jkollna l-House of Lords, min jaf kemm jixraqlek l-ermellin! Imma jekk m’għandekx ċans għax busy tirrennja fuqna lkoll, aqra dan li ġej minn xi ħadd li kien Speaker qablek:
Imbagħad hemm il-kriminali u l-korrotti l-oħra li forsi m’għamlu xejn immorali, jew kriminali…li nafu bih, naturalment, imma li bl-imġieba tagħhom, jew in-nuqqas ta’ imġieba korretta tagħhom, qed jiddefendu l-indifensibbli. Dan mhux Gvern demokratiku. Sew qallek Matthew Caruana Galizia fl-ittra tiegħu, Sur Speaker, li qed iġġib ruħek qisek re f’xi renju immaġinarju. Dan mhux Gvern, Sur Speaker, imma kult jew inkella, agħar, organizzazzjoni kriminali b’libsa demokratika, taħt forma ta’ Gvern ta’ Malta. U int qed tiddefendih, minflok tiddefendi ‘l pajjiż. Veru ħasra.
U fl-aħħarnett, ġejja llejla biex infakkrek f’Daphne Caruana Galizia, li int tfajt fil-lock up meta kellha biss 19-il sena u ġegħltha tiffirma dikjarazzjoni falza talli kellha l-ardir tipprotesta kontra l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien. Bl-azzjonijiet kollha Tiegħek li semmejt hawn, int għadek turu disprezz lejha u lejn xogħolha. Wara kollox, inti stess ammettejt illi d-dover tiegħek huwa li tiddefendi l-interessi tal-Gvern demokratiku ta’ Malta.
Allura, ġejja llejla bil-borom biex nagħmlu biżżejjed storbju biex, bir-rispett kollu, forsi tqum mir-raqda, Sur Speaker. Xi darba għad trid tagħti rendikont ta’ għemilek, jew in-nuqqas tiegħu. Quddiem dan il-poplu li int tħalli barra, Sur Speaker. Dak il-poplu li qagħdu jiddieħku bih il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Laburista billi jieħdu selfies u jċartu ħalqhom fil-bini tal-Parlament meta aħna konna barra nipprotestaw fil-kesħa u fix-xita.
Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk. Aqdi dmirek, Sur Speaker!
Alessandra Dee Crespo
Viċi-President, NGO Repubblika