Nhar is-Sibt li għadda, l-editur tat-Times of Malta għamel mistoqsija retorika u staqsa jekk tassew hix taħdem is-sistema tal-ġustizzja f’Malta. Ġaladarba din il-mistoqsija segwiet lista twila u dokumentata ta’ fallimenti amministrattivi, proċedurali u tekniċi fl-investigazzjonijiet, fil-prosekuzzjonijiet u fil-proċessi ġudizzjarji, it-tweġiba għal din il-mistoqsija ma tistax ma tkunx “LE”.

Wara li għaddew jumejn, it-Times of Malta xandret storja li setgħet dehret mal-lista ta’ fallimenti li semmiet fl-editorjal tas-Sibt li għadda.

Huwa fatt tassew xokkanti li n-numru ta’ kundanni mill-qorti li jsegwu prosekuzzjonjiiet huwa wieħed tal-mistħija. Minn kull 10 proċessi tal-qorti, proċess wieħed biss qed jintemm f’kundanna u dan wara żmien twil ta’ stennija u nfiq ta’ spejjeż konsiderevoli.

Proċessi tal-qorti li jwasslu għal kundanni mhux biss huma meħtieġa iżda għandhom iservu wkoll ta’ twissija għal kriminali oħrajn li jkunu mixlijin b’reati separati u li jkunu qed jistennew li jgħaddu minn proċess tal-qorti. Minflok dawn għandhom jassumu li l-prosekutur għandu l-ħila jipprova r-reati kriminali li jkunu wettqu u jassigura li jeħlu penali li tkun aktar ħarxa minn dik li jeħlu kemm-il darba jammettu l-ħtija, jew kemm-il darba li jaċċettaw li jixhdu kontra dawk li kienu kompliċi magħhom biex b’hekk jevitaw aktar proċessi fil-qorti.

L-istorja li xandret it-Times of Malta dalgħodu titfa’ dawl qawwi fuq iż-żewġ aspetti ta’ din il-problema.

Minn banda waħda, għandna l-istorja tal-prosekuzzjoni ta’ każ li  kellu jitwaqqa’ għar-raġuni li l-prosekuturi  naqsu li jattendu dakinhar li l-mixli tressaq il-qorti u d-dokumenti li tħejjew minn diversi uffiċini spiċċaw biex ma waslux fil-ħin u ż-żmien impost mil-liġi ma setax jiġġedded. Għaldaqstant allegat kriminal spiċċa biex għaddiha lixxa.

Din mhi xejn ħlief prova li jeżistu l-ineffiċjenzi amministrattivi, fallimenti burokratiċi u nuqqas ta’ riżorsi li huma meħtieġa sabiex il-prosekuzzjoni tkun tista’ tlaħħaq mal-livell tal-kriminalità li suppost tinsab tissielet kontrih.

Il-kwistjoni ewlenija mhix li seħħ dak li seħħ iżda li l-gvern huwa lest li jfarfar kollox għal taħt it-tapit. Kull darba li jitfaċċa Edward Zammit Lewis normalment jagħmel dan biex jikteb xi artiklu bil-għan li joqgħod ifaħħar lilu nnifsu għar-riformi kbar fis-sistema tal-ġustizzja. Il-fatt li jibqa’ jonqos li jirrikonoxxi li jeżistu problemi serji mhi xejn ħlief prova li għażel li ma jagħmel xejn biex isib tarfhom.

Imbagħad hemm l-istorja l-oħra ta’ mijiet ta’ multi maħruġin mill-gwardjani tat-traffiku li ġew “maħfura” minn impjegat mhux awtorizzat tal-aġenzija responsabbli. Skont ir-rapport, fost dawk li gawdew minn dawn il-“maħfriet” ta’ multi tat-traffiku hemm diversi politiċi u l-assistenti tagħhom.

L-ewwel mistoqsija li għandha tiġi f’moħħna hi: “imma dawn min huma?”

Dan l-impjegat issa ġie trasferit u jinsab għaddej minn “proċeduri dixxiplinarji” li għandi nifhem ma jfissrux li ser jiġi mġiegħel iħallas hu l-multi li kien “ħafer”. Iżda l-qofol kollu mhuwiex dwar din il-persuna.

Il-qofol hu li hemm politiċi u assistenti tagħhom li kienu jafu b’dan l-impjegat fl-aġenzija tal-infurzar u li huma setgħu jkellmuh biex jiffrankaw li jħallsu l-multi tat-traffiku.

Tgħid din l-istorja hi importanti u ta’ sinifikat daqs iċ-ċansijiet li qed jittama li għandu Yorgen Fenech li jgħaddiha lixxa minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi li għandha l-prosekuzzjoni? Tgħid din l-istorja hi importanti u ta’ sinifikat daqs il-kalkoli li jista’ qiegħed jagħmel Yorgen Fenech li m’għandux għalfejn jikxef is-sigrieti tal-kompliċi tiegħu?

Ċertament li le.

Iżda hi storja li turi l-livell baxx li għereq fih pajjiżna. Turi wkoll li politiċi ħadu sehem b’ruħhom u ġisimhom f’dan il-qerq għax hekk qablilhom. Warakollox, ġaladarba l-liġijiet tat-traffiku ma jgħoddux għall-politiċi u għal dawk ta’ madwarhom, għaliex għandhom japplikaw il-liġijiet kontra l-qtil?

Għandi ftit ta’ esperjenza qarsa fejn jidħlu l-gwardjani tat-traffiku. Meta kienet iddaħħlet is-sistema fl-2001, l-idea politika kienet li kellha tiġi eliminata l-korruzzjoni fl-infurzar tat-traffiku li kienet teżisti qabel. Is-sistema kienet ġiet diġitalizzata biex il-multi kollha setgħu jkunu rrikordjati, kienet tinżamm audit trail u ma setgħux isiru ħlasijiet fl-istess ħin li titwaħħal il-multa. Dik kienet is-sistema li kienet titħaddem mill-pulizija qabel iddaħħlu l-gwardjani: stajt tkellem lil xi ħabib biex iħassarlek ismek minn ma’ kull multa li tkun weħilt.

Is-sistema l-ġdida tal-infurzar tat-traffiku kienet ingħatat f’idejn il-Kunsilli Lokali (li ħafna minnhom kienu mmexxija minn Kunsilliera tal-Partit Laburista li dak iż-żmien kien fl-oppożizzjoni) biex b’hekk ikun hemm bosta li jkunu jistgħu jsiru jafu jekk ikun hemm xi ras kbira li jkunu nħafrulu l-multi minn xi ħadd minn ġewwa. Dawn il-ħniżrijiet ma kinux iseħħu għaliex ma setgħux iseħħu. It-trasparenza ma tista’ qatt tegħleb it-tentazzjoni iżda tagħmilha ħaġa li mhix prattika.

Meta mbagħad fil-gvern tela’ l-Partit Laburista, neħħa l-infurzar tat-traffiku minn idejn il-Kunsilli Lokali u ħoloq aġenzija mmexxija mill-bażużli tiegħu. B’hekk ħasbu li setgħu iħawdu kemm iridu fl-infurzar tal-liġijiet tat-traffiku għaliex ħadd ma kien ser jasal biex jikxifhom.

Il-korruzzjoni tabilħaqq teżisti kullimkien iżda jistgħu jinħolqu strutturi pubbliċi bil-għan li jevitawha jew għallinqas ma jistidnuhiex. Hawn il-gvern jaħti għaliex kien hu li qered struttura li kienet inħolqot apposta biex tevita l-korruzzjoni u bena oħra mmirata biex il-korruzzjoni tistedinha.

Meta 20 sena ilu kienu ddaħħlu l-gwardjani, kien hemm min garr għaliex ma setax jibqa’ jipparkja fejn ġie ġie. Dawn l-aġenti tal-infurzar kienu nħolqu bil-għan li jiżguraw li kulħadd joqgħod għal-liġijiet tat-traffiku.

Iżda issa, jekk int tkun taf xi Ministru jew jekk int il-Ministru, m’għandekx għalfejn toqgħod tħabbel rasek.

F’dan il-livell baxx waqqgħuha s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.