Jidher li tat-Times of Malta għadhom kemm iffrankaw kemxa flus ġmielha lill-kaxxa ta’ Malta. Kemxa li tal-Awtorità tat-Turiżmu kienu ser iberbqu fuq lukanda lussuża għall-alloġġ tal-impjegati tagħha li ser ikunu xogħol fil-Villaġġ tal-Milied.

M’għandix għalfejn noqgħod nidħol fid-dettalji biex nispjega li tal-Awtorità tat-Turiżmu din id-deċiżjoni ma kellhomx xi jriduha. L-assurdità komplew niżżluha lejn il-qiegħ.

Madankollu jeħtieġ li wieħed jistaqsi dwar jekk is-CEO tal-Awtorità tat-Turiżmu Johann Buttigieg kienx approva din id-deċiżjoni qabel il-Ministru sar jaf biha sforz il-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-istampa, liema mistoqsijiet imbagħad ġegħluh iħassrilhom kollox. Dan huwa l-istess bniedem li bħala CEO kien kera ajruplan privat biex setgħet tinġieb f’Malta minn Sqallija membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex setgħet tivvota dwar deċiżjoni tal-istess Awtorità.

Jidher li dan il-bniedem tgħidx kemm huwa galantom bi flus ħaddieħor. Imissu jidħol għan-negozju u jonfoq flusu fih. Minn butu.