Il-Kummissarju Ewropew Vera Jourova llum ħabbret direttiva ġdida tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-qrati Ewropej ikollhom is-setgħa li jwaqqfu kawżi ta’ libell vessatorji fl-istadju bikri tagħhom. Il-qrati se jkollhom is-saħħa li jagħtu rimedji lil ġurnalisti u attivisti li jkunu fil-mira ta’ libelli SLAPP u li jippenalizzaw lil min jabbuża billi jiftaħ kawżi immirati biex jagħtu fastidju jew biex lill-ġurnalisti jaqtgħulhom qalbhom minn xogħolhom.
Din id-direttiva Ewropeja ġdida se tħares ukoll lill-ġurnalisti bbażati fl-UE minn kawżi li jkunu nfetħu kontrihom f’pajjiżi li huma barra mill-UE.
Vera Jourova fakkret li fiż-żmien li fih inqatlet, Daphne Caruana Galizia kellha madwar 50 kawża ta’ defamazzjoni pendenti kontriha li l-Viċi President tal-Kummissjoni sejjħet bħala kawżi “SLAPP”. Il-Viċi President tal-Kummissjoni qalet li t-tħabbira tad-direttiva l-ġdida kontra l-iSLAPP hija importanti ħafna għaliha għax huwa proprju dan li kienet wiegħdet lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Ħdimna fuq dan l-abbozz f’isem Daphne,” qalet Vera Jourova, “u nħoss li Daphne ħadmet magħna qatigħ fuq din il-kwistjoni”.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni ħabbret ukoll rakkomandazzjonijiet lill-istati membri biex jaddottaw miżuri li jkunu lil hinn mill-kompetenzi tal-Kummissjoni u biex jagħmlu tibdiliet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jitħarsu l-ġurnalisti u l-attivisti minn kawżi SLAPP f’pajjiżhom stess.
L-UE qed titlob lill-istati membri biex il-liġi dwar kawżi ta’ defamazzjoni tiġi ċċarata biex b’hekk jiġi limitat l-abbuż, biex il-libell jiġi dekriminalizzat u biex ġurnalisti u attivisti mħarrka b’kawżi SLAPP jingħataw għajnuna u l-għarfien ta’ esperti fil-qasam. L-istati membri huma msejħa biex jiġbru informazzjoni fuq SLAPP sabiex jgħinu lill-Kummissjoni tipproponi liġijiet għall-aħjar ħarsien tal-ġurnalisti.
B’reazzjoni għal din il-proposta, Flutura Kusari miċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tax-Xandir qaltli li “dan huwa żvilupp storiku. Il-kawżi SLAPP jeqirdu l-karrieri. Illum ittieħed l-ewwel pass biex jilqa’ lil dawk li jittamaw li jużaw l-iSLAPP biex jiċċensuraw il-ġurnalisti u biex tinħeba l-verità. Issa aħna aktar motivati minn qatt qabel biex nissuktaw l-ġlieda tagħna kontra l-iSLAPP. Se nkomplu naħdmu mal-istituzzjonijiet Ewropej waqt li nagħtu appoġġ lill-ġurnalisti.”