Meta fl-2020 Aaron Farrugia kien inħatar bħala ministru, kien ħabbar pubblikament li kien biħsiebu jżomm reġistru li fih jitniżżlu d-dettalji tal-laqgħat li jkollu ma’ persuni li jkollhom interess f’xi suġġett partikolari. Qal ukoll li kien biħsiebu jxandar dan ir-reġistru f’ġieħ it-trasparenza.

Din l-istqarrija kienet saret f’Jannar 2020 meta Robert Abela leħaq prim ministru. Il-laqgħat li jsiru mill-ministri l-pubbliku ma jitħalliex ikun jaf bihom. Din is-segretezza ġġib magħha r-riskju tal-korruzzjoni u fil-fatt, ftit xhur wara f’April tal-2020, konna sirna nafu li meta fl-2014 Yorgen Fenech kellu laqgħa ma’ Michael Farrugia, dakinhar filgħodu stess Michael Farrugia lill-Awtorità tal-Ippjanar ordnalha sabiex tagħmel tibdila fir-regolamenti tagħha sabiex tkun tista’ toħroġ permess għall-bini ta’ torrijiet fl-Imrieħel f’post li dan il-bini ma kienx jippermettieh.

Konna sirna nafu b’din il-laqgħa bis-saħħa ta’ talba li kienet saret mid-Daphne Caruana Galizia Foundation fuq  talba taħt il-Freedom of Information.

Aaron Farrugia kien wiegħed li jimxi bit-trasparenza. M’għandniex xi ngħidu, kien diskors biss. Ma nafux jekk reġistru nżammx jew le. Ma jidhirx li xxandar il-kontenut ta’ xi reġistru.

Aaron Farrugia issa ngħata d-dikasteru li kien f’idejn Ian Borg: jiġifieri trasport, infrastruttura u proġetti kapitali. Tistgħu timmaġinaw is-serbut twil ta’ kuntratturi li ser jifforma wara biebu b’talbiet biex jagħlifhom bil-miljuni. Ma nistax nemfasizza żżejjed kemm hi meħtieġa t-trasparenza f’ministeru bħal dan fejn l-opportunitajiet għall-korruzzjoni huma daqshekk minn ewl id-dinja.

Aaron Farrugia jmissu jerġa’ jtenni l-wiegħda li kien għamel fl-2020.  Darba fix-xahar imissu jwiegħed li jxandar id-dettalji tal-laqgħat li jkollu. Mhux aħjar jekk il-wiegħda li kien għamel fl-2020 iwettaqha?