Dak li kien l-id il-leminija ta’ Alex Dalli fil-ħabs – Randolph Spiteri – kellu jwieġeb għall-mistoqsijiet li għamlulu l-ġurnalisti biex jiġġustifika l-fatt li ma kienx qed jidħol għax-xogħol. Huwa wieġeb li kien qiegħed biss igawdi vacation allowance akkumulat u li mhux minnu li kien tkeċċa mix-xogħol tiegħu f’Kordin.
Issa l-ġurnalisti mhux soltu joqogħdu jċemplu lill-impjegati tal-gvern biex jistaqsuhom il-għala mhumiex imorru għax-xogħol. Din l-istorja ma waqgħetx mis-sema u jidher li hemm xi ħadd li għandu xewqa kbira li jara li tiddabbar ras Randolph Spiteri mir-rwol li għandu fil-ħabs. Issa li l-poplu ġie infurmat li jinsab fuq leave furzat, min ħareġ bl-istorja kien jistenna li Spiteri jagħmel il-pass li jmiss u jgħidilna x’biħsiebu jagħmel biex jaqla’ ħobżu.
Jidher li minn dan kollu Randolph Spiteri mhuwa ser jagħmel xejn.
Dakinhar li ddabbret ras Alex Dalli mill-ħabs, Randolph Spiteri baqa’ l-widna tiegħu u tħalla hemm biex lil Dalli jwittilu t-triq biex jerġa’ jidħol f’postu. Spiteri huwa ħolqien tal-kultura li ħoloq Dalli. U bidla fil-kultura ma tistax isseħħ kemm-il darba Randolph Spiteri jibqa’ f’postu.
Randoph Spiteri minn dejjem ħolom li jilbes uniformi u jagħti l-ordnijiet. X’aktarx li, wara Kordin, mhux ser isib xogħol li tagħtih din il-kwalità ta’ sodisfazzjon. Jista’ jagħti l-każ li baqa’ jwebbes rasu, baqa’ m’aċċettax xogħol alternattiv u xi ħadd minn ħdan il-gvern iddeċieda li jġiegħlu jitlaq mill-ħabs bis-saħħa tax-xandira tal-aħbar li kien intemmlu l-impjieg.
Jagħtina ħjiel tajjeb l-imgħoddi ta’ Randolph Spiteri
“Għejun qrib il-gvern” jiddeskrivu lil Spiteri bħala “eks assistent tal-ministru Nazzjonalista George Pullicino”. Dan huwa minnu. Iżda b’daqshekk ma jkunx qed jingħad kollox. Randolph Spiteri ma kienx iddaħħal jaħdem il-ħabs mill-PN.
Randolph Spiteri ngħata l-impjieg wara li qaleb għal mal-Labour. Ilu żmien twil li sar Laburist. Ir-ritratti t’hawn isfel ittieħdu f’Mejju 2019. Randolph jidher bi tbissima fuq fommu liebes l-abjad. George Pullicino ma jidher imkien.