Din hi l-omelija tal-Isqof Joseph Galea Curmi f’quddies għal Daphne Caruana Galizia li saret aktar kmieni din il-ġimgħa.
Għadna kif għexna t-tifkira tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Hemm osservazzjoni interessanti li jagħmel il-Papa Benedittu XVI fil-ktieb tiegħu fuq Ġesù ta’ Nażaret, meta jitkellem fuq ir-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù. Hu jitkellem fuq meta Ġesù daħal Ġerusalemm u kien milqugħ b’mod trionfali min-nies, li bdew jgħajtu: “Osanna, imbierek min ġej f’isem il-Mulej”. Imbagħad, ftit wara, naraw lil Ġesù quddiem Pilatu, u l-folla tgħajjat “Sallbu”, u tagħżel li teħles lill-brigant u ssallab lil Sid il-ħajja. Spiss aħna nirrimarkaw kif in-nies f’temp ta’ ftit ġranet minn “Osanna” bdew jgħidu “Sallbu”, imma l-Papa Benedittu XVI jgħid: ma kinux l-istess nies dawk li għajtu “Osanna” u ftit wara “Sallbu”, ma kinetx l-istess folla. Il-problema kienet li fil-mument tal-passjoni, dawk li għajtu “Osanna” u ferħu bih, baqgħu ma dehrux, abbandunawh, ħarbu.
Hi osservazzjoni interessanti għax turina xi ħaġa importanti fuq il-ħajja reali tagħna: li ħafna drabi l-iżball ikun dak ta’ l-ommissjoni, li ma nagħmlux dak li għandna nagħmlu, li naħarbu flok nerfgħu r-responsabbiltà tagħna, li nħallu lill-ħażen jinfirex minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tagħna.
Aktarx dawn iż-żewġ dixxipli fi triqthom lejn Emmaus, li rajna fl-Evanġelju llum, kienu huma wkoll fost dawk li ma dehrux fil-passjoni tiegħu. Huma u mexjin jesprimu n-niket u d-diżappunt tagħhom b’dak li kien ġara, u kif qiesu kollox kien sfaxxa fix-xejn, Ġesù jibda miexi magħhom, jakkumpanjahom, jismagħhom u jistaqsihom. Kienet din il-preżenza tiegħu u l-kelma tiegħu li għenuhom jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż u jintebħu li Ġesu hu ħaj, li kien qam għal ħajja ġdida, u għalhekk imbagħad jerġgħu lura biex iħabbru li l-mewt ma kellhiex l-aħħar kelma fuqu, imma Ġesu rebaħ il-mewt. Ir-rebħa tiegħu kienet dik li għenithom jagħrfu mill-ġdid ir-responsabbiltà tagħhom u ma jibqgħux passivi.
Bħal nhar is-Sibt li għadda erbgħa snin u nofs ilu, ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia. Kien assassinju brutali li ġab tbatija enormi lill-familja, qraba u ħbieb tagħha, u li ħalla ġerħa kbira fis-soċjetà Maltija. Illum, f’din il-quddiesa, aħna qed nitolbu għaliha biex il-Mulej, li hu ħaj, jagħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem, u għall-familja tagħha, li sofrew telfa hekk kbira, biex il-Mulej jagħtihom l-għajnuna. Qed nitolbu wkoll biex il-ġustizzja sseħħ, u kull min kien involut, fid-dieher u fil-moħbi, b’li għamel jew b’li ordna li jsir, miegħu jew magħha ssir ġustizzja; u qed nitolbu wkoll biex ilkoll nissaħħu fl-impenn tagħna ħalli naħdmu għal dak li hu veru, dak li hu sewwa, dak li hu ġust, għar-rispett tal-istat tad-dritt u l-ħarsien tal-ħajja u tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-Papa Franġisku, meta kien Malta, fakkarna kemm hu importanti li aħna ma nibqgħux passivi imma nagħtu lkoll is-sehem tagħna għal soċjetà li tkun tixraq lill-bniedem u li tirrispetta l-ħajja u d-dinjita ta’ kull bniedem mill-bidu sal-aħħar, u f’kull waqt tagħha. Meta tkellem fuq l-għaqda u l-konvivenza soċjali, fakkarna li dawn iridu jserrħu fuq id-dritt u l-legalità. Fi kliemu: “L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata. L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li meta jonfoħ mit-tramuntana jnaddaf il-kosta tal-Pajjiż. U jalla dejjem jibqgħu jkunu kkultivati l-legalità u t-trasparenza li jippermettu li jitqaċċtu mill-għeruq il-ħajja ħażina u l-kriminalità li huma marbutin flimkien minħabba li l-aġir tagħhom ma jsirx fid-dawl tax-xemx.”
Dan huwa kliem li qal il-Papa f’Malta. Huwa kliem qawwi u ta’ inkoraġġiment għal dawk kollha li ma jfarfrux ir-responsabbiltà tagħhom imma jibqgħu jaħdmu bis-sħiħ biex ikunu parti minn dan ir-riħ qawwi meħtieġ li jnaddaf il-pajjiż mill-illegalità u l-korruzzjoni. Infakkar f’dak li kien qal il-Papa Franġisku fl-istess linja fid-dokument Misericordiae Vultus, meta tkellem fuq il-persuni li jappoġġjaw jew huma kompliċi ta’ korruzzjoni. Kien qal hekk: “Din il-pjaga li tnawwar is-soċjetà hi dnub gravi li jgħajjat lis-Sema, għax jheżżeż l-istess pedamenti tal-ħajja personali u soċjali. Il-korruzzjoni xxekkilna milli nħarsu lejn il-futur b’tama, għax bil-prepotenza u r-regħba tagħha teqred il-proġetti tad-dgħajfin u tgħaffeġ lill-iżjed foqra. Hu ħażen li jixxettel fil-ġesti tal-ħajja ta’ kuljum biex imbagħad jitwessa’ għall-iskandli pubbliċi. Il-korruzzjoni tfisser li twebbes qalbek fid-dnub, u fil-post ta’ Alla trid tpoġġi l-illużjoni tal-flus bħala għamla ta’ setgħa. Hi opra tad-dlamijiet, imwieżna mis-suspett u l-intriċċi. Corruptio optimi pessima [l-agħar ħaġa hija l-korruzzjoni tat-tajbin], kien jgħid bir-raġun San Girgor il-Kbir, biex juri li ħadd ma jista’ jħossu meħlus minn din it-tentazzjoni” (Misericordiae Vultus, 19).
U meta kien indirizza lill-membri tal-Kummissjoni Parlamentari Kontra l-Mafja, l-Italja, lanqas xahar qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien qal hekk: “Meta bniedem jingħalaq fih innifsu u jsir awtosuffiċjenti faċilment jibda’ jiggratifika lilu nnifsu u jidhirlu li hu jkun regola għalih innifsu u għal kulħadd. Sinjal ta’ dan hi l-politika devjata, moħħha fl-interessi personali u mehdija bil-ftehim xejn trasparenti. Allura tasal biex toħnoq it-tingiża tal-kuxjenza, tibbanalizza l-ħażen, ma tagħrafx aktar liema hi l-verità u liema l-gidba u tapprofitta ruħha mir-rwol ta’ responsabblità pubblika li jkollha” (Diskors 21 ta’ Settembru 2017).
Il-Papa jsostni li l-bini ta’ kuxjenza ċivili ġdida hi l-unika li tista’ twassal għall-ħelsien veru mill-mafji. Hu jispjega li biex inwarrbu l-korruzzjoni mill-ħajja personali u soċjali “huma meħtieġa prudenza, għassa fuqna nfusna, lealtà, trasparenza, flimkien mal-kuraġġ tal-kundanna. Jekk ma niġġildulhiex fil-beraħ, il-lum jew għada nsiru kompliċi tagħha u teqridilna ħajjitna” (Misericordiae Vultus, 19).
Dan hu kliem il-Papa Franġisku, li hu kliem li jagħmel il-qalb lil dawk kollha li lesti jgħidu l-verità anke meta hi skomda.
Aħna u nitolbu għal Daphne Caruana Galizia llum, nitolbu lill-Mulej għall-ġurnalisti biex ma jibżgħux, biex jaqdu b’impenn ir‑rwol tagħhom li jkunu l‑għajnejn, il‑widnejn u x‑xofftejn tal‑poplu b’rispett sħiħ lejn il‑verità u b’libertà sħiħa. Nitolbu lill-Mulej għalina lkoll biex jgħinna nerfgħu r-responsabbiltà tagħna u nagħmlu dak li għandna nagħmlu, biex qatt ma nibqgħu passivi jew indifferenti, imma nkunu lesti anke nagħmlu s-sagrifiċċji neċessarji għal dak li hu sewwa.