Il-liġijiet dwar il-ħarsien tal-annimali għamilniehom għaliex irrikonoxxejna li l-annimali għandhom id-drittijiet. Għandhom dritt għall-kura. Jekk ikun biħsiebna li nikluhom, għandna noqtluhom bl-aktar mod “uman” possibbli mingħajr moħqrija bla bżonn. U jekk ikun biħsiebna nżommuhom maqfulin, ikun jeħtieġ li nitimgħuhom mingħajr ma nuru kefrija magħhom jew mingħajr ma nżommuhom marbutin.
L-għasafar tal-passa ma jaqgħux taħt il-liġijiet tagħna dwar il-ħarsien tal-annimali. Madankollu dan ma jfissirx li m’għandhomx drittijiet. Jekk ikunu qed ipassu jew jappartjenu għal xi speċi li tinsab mhedda, m’għandniex nisparaw fuqhom.
Dan l-argument mhuwiex biss dwar drittijiet. Fil-każ tal-għasafar li mhumiex domestiċi u tar-regolamentazzjoni tal-isparar fuqhom, jeżisti tħassib għat-tħaris tal-bijodiversità, għall-konservazzjoni tan-natura, għat-tħaris tal-ispeċi u dwar is-sens ta’ trażżin fuq l-impatt kbir fuq il-kumplament tad-dinja bis-saħħa tal-għażliet li nagħmlu.
Imbagħad hemm ukoll ħaġa oħra: din hi wkoll kwistjoni li għandha x’taqsam mas-saltna tad-dritt jew mal-falliment tagħha.
Għas-saħħa tal-argument, ejjew naqblu li tista’ ssir kaċċa għall-għasafar tal-passa matul perijodu miftiehem permezz ta’ snieter apposta għal dan il-għan u b’limitazzjonijiet oħrajn stabbiliti u li, lil hinn minn dak il-perijodu miftiehem bil-quddiem, m’għandux isir sparar fuq l-għasafar. Naf li qed nissimplifika s-sitwazzjoni, iżda nixtieq nuża dan l-eżempju biex infiehem aħjar il-punt tiegħi li nixtieq nagħmel.
Nieħdu bħala eżempju l-każ ta’ ċertu Ryan Bonnici li f’April 2020 qatel ċikonja sewda. M’iniex se nidħol fir-raġunijiet għala għandha tkun imħarsa ċ-ċikonja s-sewda. Ċertament meta spara fuqha u qatilha, is-Sur Bonnici ġie jaqa’ u jqum minn dawn ir-raġunijiet u m’jiniex bil-ħsieb li nidħol fihom jien.
Il-fatti juru li speċi ta’ annimali jibda’ jiġi mħares meta jkun jidhrilna li m’għadx fadal biżżejjed minnhom fid-dinja. Iżda l-protezzjoni tiġi estiża lil kull annimal ta’ dik l-ispeċi partikolari.
Ryan Bonnici spara fuq ċikonja sewda partikolari u mhux fuq il-popolazzjoni dinjija taċ-ċikonji suwed. Il-liġi kienet saret biex tiġi mħarsa dik iċ-ċikonja partikolari li huwa spara fuqha.
Ryan Bonnici kien ġie mixli bi ksur ta’ bosta liġijiet hu u jipprova jolqot għasfur li ma kellu l-ebda dritt joqtol. Spara l-arma tiegħu barra ż-żmien stipulat għall-kaċċa. Kellu fil-pussess tiegħu arma u munizzjon minkejja l-fatt li ma kellux permess jagħmel dan għax ma kienx żmien il-kaċċa. Kellu arma f’post pubbliku mingħajr il-liċenzja meħtieġa. Kellu munizzjon fil-pussess tiegħu bi ksur tal-liġi. Għamel tibdil fuq arma bi ksur tal-liġi. Naqas li jżomm l-arma kif meħtieġ. Kiser il-kundizzjonijiet tal-liċenzja li kien ingħata.
U qatel għasfur protett bi ksur tal-liġi.
Il-liġi titlob li s-Sur Bonnici jiġi arrestat u mixli għar-reati li wettaq u li jiġi kundannat meta jinstab ħati.
U fil-fatt ġie arrestat. Iżda spiċċa biex inħeles minn kull akkuża. Mhux għax ma kienx wettaq ir-reati li ġie mixli bihom, iżda għaliex il-prosekuzzjoni (jiġifieri l-pulizija) ma għamlet l-ebda sforz biex tressaq provi kontrih fil-qorti.
Nafu li dawn l-affarijiet ma jseħħux biss meta l-vittma jinzerta jkun għasfur. Praspar bħal dawn iseħħu anki meta l-vittmi jkunu bnedmin. Jeżistu eżempji klassiċi li jaf bihom kulħadd u jeżistu eżempji oħra li qatt ma nisimgħu bihom. Il-każ ta’ Silvio Valletta li kien aċċetta kumpens (forsi mhux fi flus kontanti) mingħand Yorgen Fenech meta fil-fatt dan kien fid-dmir li jarrestah u jixlih bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hu wieħed minn dawn l-eżempji klassiċi.
L-eżempji li nafu bihom isiru klassiċi għax il-vittmi għandhom il-ħila li jitkellmu għalihom infushom u li jinsistu li ssir ġustizzja. Dan ma jfissirx, kif nafu sewwa, li se ssir ġustizzja. Ifisser biss li nsiru nafu kull meta ma ssirx ġustizzja.
Imma min ser jitkellem għaċ-ċikonja s-sewda?
Għandu jkun minn ewl id-dinja li dan nuqqas hekk gravi fil- prosekuzzjonijiet għandu jiġi investigat u jekk il-prosekuzzjoni jiġi pruvat li naqset – apposta jew bi traskuraġni – dawk responsabbli għandhom jagħtu kont ta’ għemilhom.
Jingħad li ċ-ċivilità wieħed jintebaħ biha mill-mod kif jiġu trattati dawk li huma l-aktar dgħajfin. Jingħad ukoll li ċ-ċivilità titlob li l-ġustizzja għandha tkun għamja u ma tiddiskrimunax bejn min hu b’saħħtu u min hu dgħajjef. Ryan Bonnici kellu arma fil-pussess tiegħu (anki meta mhux suppost kellu waħda). Iċ-ċikonja s-sewda ma kellha ebda arma. Bonnici mar lura d-dar qisu mhux hu. Iċ-ċikonja s-sewda inqerdet.
Din għalhekk mhix biss kwistjoni ta’ konservazzjoni ta’ speċi. Hija kwistjoni li għandha x’taqsam mas-saltna tad-dritt. Jew man-nuqqas tagħha.