Stennejt li jgħaddu 24 siegħa qabel nikteb dwar l-ammissjoni xokkanti ta’ spettur tal-pulizija li lill-qorti lbieraħ qalilha li m’għandux idea l-għala dawk li kellhom ir-responsabbiltà fuq spallejhom li jsegwu u jaqbdu bniedem maħrub, baqgħu jinjoraw informazzjoni dwaru li kienet waslitilhom mingħand il-Pulizija fl-Ingilterra.
Stennejt sakemm għaddew 24 siegħa għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett, tagħmel sewwa li ma tistrieħx fuq din il-website biex l-aħbarijiet jaslulek malajr. Biex jaslulek l-aħbarijiet malajr, hemm diversi sorsi oħrajn. It-tieninett, seta’ kien il-każ li spettur tal-pulizija ma kinux ingħatawlu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-ispettur li kellu l-każ f’idejh qablu: mhux bilfors li jqanqal is-suspetti l-fatt li l-Pulizija injorat l-informazzjoni li waslitilha mill-Ingilterra.
Iżda minn dak li messu seħħ fl-24 siegħa ta’ wara, ma seħħ xejn. Il-Pulizija – mhux biss l-ispettur investigattiv, iżda wkoll ta’ fuqu kompriż il-Kummissarju – kien messhom qalulna għaliex ħadd ma kien iċċaqlaq meta fl-2017 kellhom f’idejhom informazzjoni li Ryan Schembri ma kienx għadu fid-Dubaj u li kien jinsab fir-Renju Unit.
Dak iż-żmien setgħu faċilment talbu lill-Pulizija Ingliża sabiex tarrestah u tibgħatu lejn Malta biex imbagħad ikun jista’ jittella’ l-qorti – proċess li beda biss issa wara li għaddew 5 snin sħaħ.
Peress li l-Pulizija ma qaltilniex il-għala dan kollu tħalla jseħħ, ma nistgħux ma naslux għal ċerti konklużjonijiet. Ryan Schembri jiġi l-prim kuġin ta’ Keith Schembri. Fl-2017 f’Malta, Keith Schembri kellu saħħa kbira. Kien jagħmel li jrid u min kien ħabib tiegħu jew soċju miegħu fin-negozju kien igawdi l-immunità. U għandi nifhem li kien ta’ għajnuna l-fatt li tiġi minnu.
M’għandniex xi ngħidu, dan kollu Keith Schembri ma setax iwettqu waħdu. Bi sħab ma’ Joseph Muscat, ra kif għamel biex ħatar il-pupazzi f’ħatriet strateġiċi, kompriż fil-korp tal-Pulizija, sabiex b’hekk hu u sħabu seta’ jkollhom rashom mistrieħa li, jagħmlu x’jagħmlu u jħawdu kemm iħawdu, ħadd u xejn ma jkun jista’ għalihom.
Issa m’għandniex għalxiex noqogħdu nserrħu rasna bil-fatt li Keith Schembri m’għadx għandu s-saħħa li kellu dari bħala chief of staff tal-prim ministru. Lanqas m’għandna noqogħdu nikkunslaw bil-fatt li Ryan Schembri issa jinsab taħt il-kustodja tal-Pulizija.
Il-fatt li ma sar xejn biex dawk li ppermettew din l-impunità kollha jieħdu li ħaqqhom u l-fatt li l-gvern ma kienx aċċetta proposti biex isseħħ riforma u biex b’hekk praspar bħal dawn ma jirripetux ruħhom, għandhom għalxiex iġegħluna ninkwetaw.
Dawk il-politiċi u dawk il-gvernijiet li jibqgħu ma jaċċettawx it-tfassil ta’ liġijiet li jeqirdu l-kriminalità fl-istrutturi tal-istat, jagħmlu dan jew għaliex huma stess ikunu kriminali jew għaliex ikunu jridu li jkollhom diversi toroq minn fejn ikunu jistgħu jgħaddu.
Meta jkollok spettur tal-Pulizija li fil-qorti jixhed bil-mod li xehed u l-imgħallem tiegħu Angelo Gafà baqa’ ma ndenjax ruħu li jagħtina spjegazzjoni, tintebaħ li kollox baqa’ kif kien u ma nbidel xejn.