Għal 15-il xahar sħaħ, il-Pulizija baqgħet tinjora l-konklużjonijiet ta’ inkjesta maġisterjali. Baqgħet tinjora protest ġudizzjarju dwar l-impunità kriminali li ppreżentat Repubblika u ftit wara wieġbet billi stqarret li, fejn tidħol il-kriminalità, Repubblika m’għandhiex tindaħal fejn ma jesagħhiex.

Li kien għal Anġlu Gafà, lill-Pilatus Bank kien imissna nsejnieh. Kien ikun eżatt dak li jridu l-operaturi li ġew identifikati mill-maġistrat tal-inkjesta bħala dawk suspettati li wettqu delitti serji. Ali Sadr Hashemi Nejad ċertament ma jridx li jiġi mġiegħel jgħaddi minn ġuri ieħor.

Kien ikun ukoll eżatt dak li jridu dawk kollha li għamlu użu mis-servizzi tal-Pilatus Bank li l-imgħoddi jridu jnessuh. M’għandniex xi ngħidu, kif issa jaf kulħadd, tal-Pilatus Bank qatt ma missew ma’ flejjes ta’ Michelle Muscat u Joseph Muscat. U biex żgur ikollna rasna mistrieħa, dwar dan għandna l-kelma ta’ skrivana li kienet taħdem fil-Panama mad-ditta Mossack Fonseca. Din l-iskrivana jidher li għandha memorja ta’ ljunfant għaliex kienet inħatret direttur fuq il-bord ta’ madwar 11,000 kumpannija, inkluż fuq il-bord ta’ kumpannija li żgur fuq li żgur ma kinitx reġistrata f’isem Michelle Muscat.

Repubblika ma kienx biħsiebha ċċedi.

In-nies uriet interess fil-każ u bdiet tistaqsi l-għala dawk li l-maġistrat semmiet bħala persuni suspettati baqgħu ma ttiħdux passi kontrihom fil-qorti. X’kienet ir-raġuni li s-sidien ta’ bank li kien ingħalaq talli ntuża biex jaħsel flus maħmuġin ta’ politiċi kriminali baqa’ jgħaddiha lixxa grazzi għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-pulizija Maltija? Għaliex ħadd ma kien qed jipprova jsewwi l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja?

Illum Anġlu Gafà ma setax jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti hu u ħiereġ miċ-ċelebrazzjoni li tfakkar l-mitejn anniversarju u fuqhom tal-korp tal-Pulizija. Sur Gafà, ilek fil-kariga għal ftit aktar minn sentejn u bqajt tinjora ordni tal-maġistrat biex tmexxi kontra s-sid u d-diretturi tal-Pilatus Bank. Tgħid issa rajt id-dawl?

Illum stqarr li  f'”dan l-istadju” il-Pulizija ser toħroġ l-international arrest warrants. Damu jaħsbuha! Ara biex jippruvaw jaqbdu u jġibu f’Malta lill-whistleblower li kienet kixfet il-ħmieġ u l-kriminalità li seħħew fil-Pilatus Bank, kollox kien sar bilġri.

Issa li Anġlu Gafà ġie mġiegħel jieħu azzjoni li jidher ma riedx jieħu, ikun tajjeb li niftakru fix-xogħol siewi li għandhom il-ħila jwettqu l-NGOs u l-ġurnalisti b’riżq il-ġustizzja.