Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-qagħda tas-saltna tad-dritt f’Malta huwa miżgħud bi kwotazzjonijiet li l-gvern jista’ jużahom biex jiftaħar talli baqa’ m’għamel xejn.

Jammettu b’mod indirett li s-saltna tad-dritt taħt Joseph Muscat tgħaffġet taħt is-saqajn. Użajt il-kelma “indirett” għaliex ma qalux dan kollu b’mod ċar u mingħajr tlaqliq iżda tkellmu b’ton drammatiku dwar ir-“riformi” li ddaħħlu kemm ilu ħa t-tmun f’idejh Robert Abela bħallikieku kienu qed jagħmlu paragun bejn it-tluq tal-ilsiera Lhud mill-Eġittu ma’ xi passiġġjata ħdejn il-baħar. Sinjal li dawn ir-riformi kien hemm bżonnhom ġaladarba għamlu daqshekk ħoss bihom.

Il-Kummissjoni tagħti l-kummenti tagħha dwar l-hekk imsejħa riformi, li jew ikunu għaddew b’liġi jew li jkunu ġew imwiegħda bis-saħħa ta’ stqarrijiet politiċi mimlijin ħeġġa li jxandar il-gvern minn żmien għal żmien.

L-indikaturi ewlenin dwar il-qagħda tas-saltna tad-dritt huma tlieta.

L-ewwel  indikatur huwa dwar kemm hi tabilħaqq indipendenti, attrezzata u effiċjenti l-ġudikatura u dan sabiex, kull min iqim il-liġijiet ikun imħares sewwa minn dawk li jiksruhom.

It-tieni indikatur huwa dwar kemm il-pajjiż ikun qed jissielet bis-serjetà kontra l-korruzzjoni.

It-tielet indikatur huwa dwar kemm tkun ħielsa l-istampa lokali li twettaq xogħolha mingħajr xkiel u dwar kemm ikollha l-ħila tikxef dgħjufijiet jew theddid fil-konfront tas-saltna tad-dritt.

Ir-rapport jgħid li l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tagħna għadha mhedda minħabba l-fatt li l-prim imħallef jintagħżel mill-politiċi. Għandna ftit wisq imħallfin u dawn mhux qed jingħataw biżżejjed riżorsi biex iwettqu xogħolhom. Barra minn dan, fil-preżent is-sistema ġudizzjarja hija inqas effettiva milli kienet qabel iddaħħlu l-hekk imsejħin riformi.

L-ebda riforma li seħħet ma indirizzat il-problemi importanti li għandna f’ħoġorna.

Ir-rapport jirrokonoxxi riforma ewlenija li bis-saħħa tagħha l-prosekuzzjonijiet kriminali għaddew minn idejn il-Pulizija għal għand l-Avukat Ġenerali. Iżda mbagħad ir-rapport isemmi wkoll li investigazzjonijiet li jinbdew jispiċċaw biex ma jintemmu qatt u li ma kien hemm l-ebda każ ta’ kundanna f’każijiet ta’ korruzzjoni. Dan ifisser li l-ebda wieħed mill-miri tar-riformi ma ntlaħaq: bqajna ma tejjibniex l-investigazzjonijiet (billi ħlisna lill-investigaturi mill-prosekuzzjonijiet) u bqajna ma tejjibniex il-prosekuzzjonijiet (bis-saħħa tal-użu ta’ avukati professjonali għal dan ix-xogħol). Riformi: iva. Titjib: le.

Minkejja l-paroli kollha li sar dwar tħaris tal-ġurnalisti, il-Kummissjoni osservat li biex wieħed jingħata informazzjoni mill-gvern ikun irid jissielet u li, sena wara li xxandru r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil Daphne, baqa’ ma sar xejn dwarhom. Li jfisser li l-impunità li wasslet biex tinqatel Daphne, għadha magħna.

M’għandniex xi ngħidu, il-gvern ser jiftaħar li għadda mill-eżami.

M’għandhomx bżonn jagħmlu sforz ta’ barra minn hawn biex huma stess jemmnu dak li jistqarru.