Stqarrija ta’ #occupyjustice:

Wasal iż-żmien li nnaddfu l-għanqbuta tal-korruzzjoni

Aktar kmieni llejla, attivisti ta’ #occupyjustice armaw għanqbuta quddiem dak li kien l-uffiċċju tal-Pilatus Bank f’Ta’ Xbiex. Ma kinitx xi ċajta tal-Halloween.

Għaddew ‘l fuq minn sitt snin minn dakinhar li l-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia bdiet ix-xogħol investigattiv tagħha dwar il-Pilatus Bank u – s’issa – l-Istat għadu jgħatti xtur dawk kollha involuti f’din il-magna tal-ħasil tal-flus, kif ukoll lil kull min għamel użu mis-servizzi tagħha biex jaħslu l-flejjes maħmuġin tagħhom.

Għaddew ukoll kważi sentejn minn dakinhar li inkjesta maġisterjali dwar il-Pilatus Bank irriżultlha li jeżistu “provi ċari” ta’ ħasil ta’ flus, kif ukoll provi ta’ ndħil minn Keith Schembri, dak li kien iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Minkejja dan kollu, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg sal-lum għadha ma ħarrkitx lill-ħames individwi li ġew identifikati fil-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Mhux talli hekk, in-nuqqas tal-Maġistrat Nadine Lia li tirrikuża ruħha fil-kawża li għamlet Repubblika kontra l-Kummissarju tal-Pulizija Anġlu Gafà u kontra l-Avukat Ġenerali ta lok għal tħassib serju u, minkejja sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li għamlet aċċenn għan-nuqqas serju ta’ ġudizzju min-naħa tagħha, għadha qed twebbes rasha u baqgħet ma warrbitx.

#occupyjustice tistaqsi għala l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali naqsu milli jieħdu passi tul dan iż-żmien kollu, fejn saħansitra ppermettew lil wieħed mis-suspettati li ħaslu flus permezz tal-Pilatus Bank jagħti xhieda fil-qorti u jitlaq minn Malta qisu mhux hu u dan mingħajr ma waqqfuh, minkejja l-mandat ta’ arrest li kien inħareġ kontrih.

Il-pubbliku qed jiġi mqarraq biex jaħseb li kollox miexi ħarir u li l-ġustizzja qed issir. Iżda l-unika ħaġa li qed tikber b’ċertu għaġġla hi l-għanqbuta ta’ korruzzjoni li nħadmet f’Kastilja mmexxija minn Joseph Muscat u sħabu u li issa nfirxet u qabdet fiha bosta istituzzjonijiet, bir-riżultat li x-xibka għandha kontroll totali fuq il-ġustizzja u fuq is-saltna tad-dritt.

Il-brimb ilhom igawdu l-impunità għal żmei twil. Għemilhom issarraf f’ġid kbir għalihom u għal sħabhom. Hemm bżonn li jitwaqqfu. Wasal iż-żmien li l-għanqbut tal-korruzzjoni jitnaddaf biex ilkoll ingawdu dik il-governanza tajba li ilna mċaħħdin minnha u sabiex ir-reputazzjoni tajba li darba kien igawdi pajjiżna titnaddaf.

Din Malta tagħna, din darna u aħna niesha.

Nistennew aħjar.

Ħaqqna aħjar.

Neħtieġu aħjar.