Kont qed intella’ u nniżżel għandix naqsam dan il-filmat magħkom. Dan inġibed minn fuq screen u li juri silta minn programm ta’ TVM li hu intenzjonat li jwassal lit-telespettaturi tagħrif edukattiv dwar is-saħħa. Tat-TVM jistiednu tobba kwalifikati u jaqfluhom f’kamra flimkien ma’ baħnan u ġidra mill-aktar inkompetenti f’verżjoni perversa ta’ Big Brother li matulu t-tabib li jażżarda jiddieħak bil-baħnaneriji ta’ sieħbu, jeħilsu minnu billi jixkubettjawh fi pjazza.

Nistedinkom issegwu l-filmat kollu.

 

Issa erġgħu segwuh u agħtu daqqa t’għajn lejn l-espressjonijiet fuq l-uċuħ tat-tobba hekk kif Brian Hansford jistaqsi jekk huwiex minnu li l-“make-up” – hawn ried jalludi għall-irtokk li jindilek mal-wiċċ – jikkawża l-kanċer fid-demm. Riedu l-art tiblagħhom u m’għandix dubju li dak il-ħin xtaqu li ma kien hemm ħadd isegwi l-programm għax ħassew ruħhom umiljati b’dak li kien għadu kemm staqsa l-preżentatur.

Li kieku l-kannibali ras Brian Hansford kellhom jiftħuha ktieb, lest nilgħab inħatra li ma jsibux biżżejjed moħħ biex iżejnu galletta żgħira. Fil-foresta tax-xita tal-Amażonja, jeżistu tribujiet ta’ Indjani li qatt ma missew mad-dinja ċivilizzata u li għandhom teknika ħafna aktar fina biex imexxu programm televiżiv dwar is-saħħa.

Kull min segwa l-filmat ta’ Brian Hansford fuq TVM jista’ minn issa jitlob lil Alla biex ikollu ħniena minnu.