F’Ġunju tal-2020, Robert Abela kien ilu Prim Ministru għal anqas minn 6 xhur. Dan kien żmien li matulu xterdet l-aħbar li, fuq medda ta’ 3 ġimgħat, l-Enemalta kienet imliet il-bwiet ta’ Yorgen Fenech bi kważi €5 miljun biex dan seta’ jagħmilha ta’ sensar f’negozju li sewa’ inqas minn nofs il-flus li kien daħħal f’butu. Dan kien il-qofol tal-ħadma skandaluża tal-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro.
Dak iż-żmien Robert Abela kien għadu qed jipprova jbellagħha li kien il-verġni li daħal flok prostituta li ġġib l-isem ta’ Joseph Muscat. Dakinhar Robert Abela stqarr li, minn dak li qara’ dwar dak li kien seħħ, l-iskandlu tal-Enemalta kien wieħed “diżgustanti” u talab li ssir “investigazzjoni sħiħa”.
Illum, wara li għaddew kważi tliet snin, kellna nsiru nafu li ħadd għadu ma ndenja ruħu jitkixxef u jinvestiga l-“email accounts” tad-diretturi tal-Enemalta mdaħħlin f’din il-ħadma. Insomma, “investigazzjoni sħiħa” taparsi.
Imġieba qarrieqa bħal din tħallik bla kliem. Kif qatt wieħed jista’ jżomm lura milli jkompli juri r-rabja u l-istmerrija tiegħu wara ħames snin sħaħ ta’ kundanni kontra l-kompliċità kriminali ta’ Lawrence Cutajar – dak li għamel lejl imexmex fenek waqt li Ali Sadr Hashemi Nejad kien ħiereġ inkiss inkiss mill-uffiċċju tiegħu mgħobbi b’evidenza kompromettenti?
Wieħed kif qatt jista’ joqgħod għal imġieba bħal din minn gvern li jibqa’ jippersisti li jgħaddik biż-żmien f’wiċċek?
Wieħed kif qatt jista’ jibqa’ jittama li xi darba dan l-imbierek pajjiż għad jinfeda’ u joħroġ mill-ħama tal-korruzzjoni li għarrqu fih il-gvern tul l-aħħar għaxar snin li għaddew?
M’aħniex qegħdin ngħixu ħajjitna biss biex noqgħodu nipprotestaw fit-toroq. Ma nħossu ebda sodisfazzjon li seħħ dak li konna ilna li bassarna. Jiġifieri li l-avukat personali ta’ Joseph Muscat ma’ jista’ qatt jiġġieled il-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat.
Dakinhar li konna pprotestajna fit-toroq bil-għan li jitwarrab Lawrence Cutajar, konna ttamajna li min jidħol floku kien ser jaħdem mod ieħor. Meta konna pprotestajna kontra l-imġieba ta’ Peter Grech u tlabnieh iwarrab, ħsibna li min ser jidħol floku kien ser juri ħeġġa biex jiġġieled kontra l-kriminalità.
Ħadd minna ma pprotesta biex minflok Joseph Muscat u l-klikka tiegħu jidħlu t-tewmin tagħhom.
Wara li għaddew 5 snin, għadna fejn konna. Minflok Lawrence Cutajar, Silvio Valletta u Ian Abdilla, għandna lil Anġlu Gafà jfixkel il-kors tal-ġustizzja. Wara kollox, kif tista’ tispjega l-fatt li l-pulizija baqgħet “tkaxkar saqajha” – kliem ieħor għat-tfixkil tal-kors tal-ġustizzja u għas-sabutaġġi kontra l-ordnijiet tal-maġistrat sabiex jinġabru l-provi dwar delitt kriminali ieħor mikxuf mill-ġurnalisti?
Fl-aħħar 48 siegħa, George Vella ħeġġeġ lill-ġurnalisti sabiex irażżnu “diskorsi ta’ mibgħeda”. Naħseb li l-President fehem ħażin. Jekk jien nistqarr li persuni ta’ ċerta razza huma lkoll għażżenin xurbana u li għandhom ilkoll jitkeċċew minn Malta, nkun ħati ta’ mġieba li tqanqal il-mibgħeda. U mġieba bħal din jien għandi nrażżanha jekk ma nkunx irrid li nduq il-konsegwenzi f’qorti kriminali. George Vella ma kienx qed jirreferi għal diskors bħal dan.
Kien qed jirreferi għal diskorsi ta’ mibgħeda kontra dawk l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li jagħtu l-kenn lill-kriminali. Jien ma nistax ma nesprimix ruħi kontra l-fatt li, tliet snin wara li konna sirna nafu li mlew bwiet Yorgen Fenech – sieħeb Konrad Mizzi – bil-miljuni mit-taxxi tal-poplu, l-pulizija għadha lanqas indenjat ruħha li tinvestiga l-email accounts.
Jekk dan huwa diskors ta’ mibgħeda, allura jien niddikjara ruħi ħati. Iżda jien mhux ser nieqaf nitkellem kontra dak li nobgħod għaliex, jekk niskot, inkun qed nagħmel dak li qed jittama li għandi nagħmel Anġlu Gafà u l-kriminali li qed jipproteġi.
Li kieku konna qed ngħixu f’pajjiż ieħor fid-dinja demokratika, l-aħbar li xxandret dalgħodu fis-sens li l-pulizija għadha lanqas bdiet tinvestiga skandlu kbir ta’ korruzzjoni u dan tliet snin sħaħ wara li l-prim ministru kien ġie mġiegħel igħid kemm kien diżgustat dwaru, n-nies kienet tinżel fil-pjazez biex tipprotesta u dan sakemm iwarrbu mill-kariga Anġlu Gafà u l-imgħallem tiegħu Byron Camilleri.
Hawn Malta minn dan kollu ma jseħħ xejn. Mhux għaliex lill-Maltin il-korruzzjoni ma jistmerruhiex, iżda għaliex xebgħu jaraw lill-awtoritajiet jibqgħu ċassi. Xebgħu jaraw l-indifferenza tal-awtoritajiet. Xebgħu jiġu mgħoddija biż-żmien. Xebgħu jisimgħu gideb u jisimgħu lill-prim ministru jistqarr kemm hu diżgustat u mbagħad jibqa’ b’idejh fuq żaqqu.
Lil Konrad Mizzi rridu narawh bil-manetti mal-poloz ta’ jdejh mhux għaliex ħadd m’għandu grazzja miegħu iżda għaliex qed ihedded li jikxef għawwar li jista’ jwassal biex jegħrqu Joseph Muscat u dawk li qed jipproteġuh.
Min jaf għaliex inkjesti maġisterjali li ilhom għaddejjin għal 3, 4, 5 u anki 7 snin, m’hemmx li jiġu fi tmiemhom. U xi drabi ikollna t-tweġibiet bħal meta wieħed jisma’ dwar il-kawżi li għamlet Repubblika dwar l-inkjesta Pilatus Bank u dwar l-inkjesta tal-imtieħen tar-riħ tal- Montenegro.
Jew inkella l-pulizija u l-prosekutur (jew it-tnejn li huma) lix-xogħol li qed isir mill-maġistrati qed iħalluh jiġma’ t-trab billi jinjoraw l-ordnijiet li jkunu ngħataw biex jinġabru l-provi, biex jarrestaw u biex iħarrku u fl-istess waqt ifixklu l-kors tal-ġustizzja biex jiżguraw li jibqgħu jagħżqu l-ilma.
Fejn ser insibuhom dawk il-persuni integri li jkollhom il-ħila li jwaqqfu dan kollu?
Fejn hu dak l-uffiċjal tal-pulizija li jkollu l-ħila li jinjora lil Anġlu Gafà u l-arja li qed jagħmel biex b’hekk il-ġustizzja tkun tista’ titwettaq?