Pubblikament qed nagħmel ħilti kollha biex ma nitkażax bil-kontenut taċ-chats bejn Cutajar u Fenech għalkemm, bejn l-erba’ ħitan ta’ dari, nammetti ma qgħadtx lura milli nkemmex xufftejja. Qed igħaddu wkoll minn għala widnejja l-kummenti ta’ xi wħud li qed jistaqsu għandniex noqgħodu nissindikaw l-imġieba ta’ ħaddieħor, anki jekk dik il-“ħaddieħor” inzerta li hi membru parlamentari korrotta li aċċettat ħlasijiet biex tagħmel diskorsi fil-Parlament biex tiddefendi bniedem mixli bil-qtil ta’ ġurnalista u li ammettiet fil-beraħ il-ħniżrija tagħha wara li rranġat biex takkwista salarju ieħor mħallas minn fondi pubbliċi.

Forsi għalhekk għandna niftakru r-raġuni l-għala nkixfu d-dettalji ta’ dawn il-konversazzjonijiet speċifiċi tal-WhatsApp u mhux id-dettalji ta’ konversazzjoni oħra ta’ xi buġarrun kwalunkwe: għaliex dawk il-konversazzjonijiet kienu fuq il-mobile ta’ Yorgen Fenech flimkien ma’ konversazzjonijiet li saru ma’ oħrajn li magħhom ma kellu ebda relazzjoni sesswali, iżda li kellhom saħħa politika li setgħet tintuża għall-iskopijiet kriminali tiegħu.

Għaldaqstant ma jimporta xejn affattu dawn kellhomx jaqsmu sesswalment jew le. Li jimporta iżda huwa l-fatt li l-gideb ripetut ta’ persuna fil-ħajja pubblika nkixef bis-saħħa ta’ provi li ħafna drabi ma jkunux għad-dispożizzjoni ta’ min jagħmel l-akkużi.

Li kieku Daphne Caruana Galizia ma kinitx ġiet assassinata, ma konna nsiru nafu qatt b’dawn iċ-chats u x’aktarx li ħadd ma kien jagħti każhom. Dawn iċ-chats setgħu jibqgħu privati kemm il-darba min ikun ħa sehem fihom ma ordnax il-qtil ta’ ħaddieħor u ma ppruvax igħatti x-xtur.

Minn dawn iċ-chats ma jirriżultax li Rosianne Cutajar kellha x’taqsam mal-assassinju jew li ppruvat tgħatti d-delitt.

Iżda teżisti “imma” kbira.

Fiż-żmien meta ħadet sehem f’dawn iċ-chats Rosianne Cutajar, bħala membru tal-Parlament Malti u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, pubblikament ċaħdet li kien hemm xi rabta – rabta li kienu diġà għamluha bosta nies – bejn is-17 Black ta’ Yorgen Fenech u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’Ottubru 2018 konna diġà sirna nafu li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black. U fis-sajf tal-2019 lil Yorgen Fenech, Rosianne Cutajar kienet qaltlu li Malta qed tistennieh.

M’hix kwistjoni dwar jekk kienitx iġġennet warajh jew le. Li hu importanti huwa l-fatt li bħala uffiċjal pubbliku, Rosianne Cutajar ittradiet il-funzjoni tagħha. Il-konversazzjonijiet li nkixfu juru li ma kellha ebda sens ta’ responsabbiltà jew sens ta’ dover. Meta kienet intebħet li ma kinitx ser issir ministru, stqarret li kienet ser tirranġa biex takkwista paga minn xogħol ieħor fis-settur pubbliku minbarra l-paga li kien diġà kellha biex b’hekk iddaħħal aktar f’butha. B’mod mill-aktar ċiniku, l-imġieba tagħha sejjħitilha bħala “ħniżrija” jew att ta’ regħba li kien ġustifikat għaliex, wara kollox, “kulħadd hekk qed jagħmel”.

Dan ma jwassalniex biex nitbissmu daqs kemm forsi jġiegħeluna nitbissmu li kliem li uża Yorgen Fenech meta ġie biex jiddeskrivi kuxxtejn Rosianne Cutajar. Iżda hawn m’aħniex nitħaddtu dwar id-dgħjufijiet fin-natura tal-bniedem. Qed nitħaddtu dwar is-sehem, l-involviment, id-dipendenza fiinanzjarja u l-qrubija – saħansitra minn wara dahar il-kollegi parlamentari u governattivi tagħha – ta’ persuna pubblika eletta fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna ma’ bniedem li l-pajjiż kollu għandu għalxiex jissuspetta li qatel ġurnalista biex ikun jista’ jgħatti x-xtur kriminali tiegħu.

Il-fatt li dawn il-konversazzjonijiet ma’ min jinsab mixli bi qtil issa raw id-dawl tax-xemx mhux biss huwa xorti ħażina għaliha. Iżda hi xorti tajba għal kull min jemmen li ċ-ċittadin għandu dritt li jkun jaf x’ikunu qed jagħmlu l-politiċi li huma mħallsin biex jaħdmu għalina.

Hemm ukoll dettall ieħor. Wara li dawn il-konversazzjonijiet wasslu lill-ġurnalist Mark Camilleri biex jiġbed konklużjoni analitika raġjonevoli dwar l-istat tal-politika f’Malta, Rosianne Cutajar għamlet rapport mal-pulizija.

M’hemmx libell meta fatt jiġi pruvat li huwa minnu. Dak il-każ ikompli.