“Tletin sena ilu, kien hemm numru ta’ politiċi li kien jisħoqqilhom l-ammirazzjoni tagħna. Illum politiċi bħal dawn ma ssibhomx b’nemes”. Hekk stqarret il-President uxxenti tal-Kamra tal-Kummerċ lit-Times of Malta. M’għandix dubju li se ssib ħafna li jaqblu magħha (ħlief forsi Rosianne Cutajar).
Wieħed ikun jeħtieġ li jifhem il-kuntest ta’ stqarrija bħal din. Ma nistgħux niġru bl-idea li ż-żminijiet tal-imgħoddi kienu żminijiet tad-deheb u tal-innoċenza. Fl-imgħoddi għaddejna minn żminijet koroħ ukoll u kien hemm żmien li fih pajjiżna kien wasal f’xifer l-irdum. Il-korruzzjoni ma vvintahiex Joseph Muscat, għalkemm kien hu li rfinaha.
Din hi l-ġimgħa ta’ Rosianne Cutajar. Robert Abela qed isibha diffiċli biex itajjarha mill-grupp parlamentari. Il-fatt biss li jinsab f’taqbida juri kemm tbaxxew l-livelli. Fil-Partit Laburista hemm uħud li jidhrilhom li Rosianne Cutajar m’hix qed jiġi trattata b’mod ġust u xieraq u li fil-fatt hi vittma ta’ min kixef il-ħajja privata tagħha.
Bosta huma dawk li, matul din il-ġimgħa, lil Rosianne Cutajar ser iqisuha bħala l-paladin tal-livelli baxxi fil-politika. Iżda l-verità hi li, fl-istess livell baxx tagħha għandhom jitqiegħdu dawk il-politiċi kollha li appoġġjawha, wżawha u qabżu għaliha. Fl-istess kategorija għandhom jitqiegħdu dawk il-membri parlamentari kollha li ddifendewha u li vvutaw kontra rapport indipendenti li kien ixxandar mill-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika fi żmien il-leġiżlatura preċedenti li kien jittratta dwar l-imġieba mhux xierqa tagħha. L-istess jista’ jingħad għal Robert Abela li, minkejja kollox u minkejja n-nuqqasijiet f’imġiebitha, kien reġa’ aċċettaha bħala kandidata mal-partit tiegħu.
Illum jew għada, ser tasal ta’ Rosianne Cutajar ukoll. Bħalma kienet waslet ta’ Chris Cardona, Konrad Mizzi, Carmelo Abela, Edward Zammit Lewis, Manwel Mallia, Edward Scicluna u Joseph Muscat li lkoll kienu kiluha hekk kif il-Partit Laburista intebaħ li ma setgħax ikompli jerfa’ l-piż tal-ħsara li kienu wettqu u għaldaqstant ma setgħax ikompli jaqbeż għalihom.
Wieħed wara l-ieħor, ħafna drabi llum qabel għada, min ikun inkixef ikollu jwarrab. Iżda, ħafna drabi, dawk li jieħdu posthom ssib li huma manigoldi libsin pulit li ma jkollhomx il-ħila li jispjegaw ir-raġunijiet il-għala jkunu daħlu għall-ħajja pubblika.
Kif ktibt ta’ sikwit, fid-dagħdiha li kien għaddej minnha biex isaffi lilu nnifsu, l-Partit Nazzjonalista ġab fix-xejn żewġ ġenerazzjonijiet ta’ politiċi. L-ewwel gerrxu lil kull minn kien ħadem fil-gvern ta’ Gonzi. Meta mbagħad wasal fix-xena Adrian Delia, dan ried li “jrodd lura lill-partit tagħna” – speċi ta’ azzjoni b’xamma Trumpjana. U issa ċ-ċirku ta’ madwar Bernard Grech ilu jiċkien sa mill-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet.
Bir-riżultat li l-PN spiċċa biex tilef żewġ ġenerazzjonijiet ta’ talent u ta’ esperjenza li fl-imgħoddi kienu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra b’mod naturali. Jista’ jagħti l-każ li n-nies qed issibha diffiċli li “tammira” l-politiċi tal-PN għaliex m’hemmx wisq fejn wieħed jagħżel.
Mill-banda l-oħra, fuq in-naħa Laburista nsibu ċorma ta’ kriminali li issa lanqas biss qed jindenjaw ruħhom jaħbu l-intenzjonijiet kriminali tagħhom. Dawn qed iġibu ruħhom bħal dik l-iskwadra sportiva li ma jiddejqux juru li l-logħbiet rebħuhom bis-saħħa tal-qerq.
Ejjew inqiegħdu kollox fil-perspettiva. In-nies tan-negozji m’humiex xi verġni. Il-politiċi jixxaħħmu għax ikun hemm min ixaħħamhom minn naħa tan-nies tan-negozju. Tal-Kamra tal-Kummerċ kien messhom ikkundannaw lil dawn bl-istess mod li kkundannaw lill-politiċi.
Huwa minnu wkoll li mhux kull min hu fil-politika, jixxaħħam. U mhux kull min hu negozjant ixaħħam lill-politiċi. Iżda l-politiċi li l-Kamra tal-Kummerċ tant ikkritikat ma jaġixxux waħidhom: ma jistax ikollok persuna li tixxaħħam mingħajr fl-istess waqt ma jkollok persuna oħra li xxaħħam.
Il-verità hi li għandna kultura ta’ indifferenza għall-imġieba etika u nippreferu naraw kif ser “nirranġaw”. U mġieba bħal din wieħed ma jsibhiex biss fost il-politiċi.
Biex insibu tarf, ikun jeħtieġ li l-politiċi u n-nies tan-negozju jew jinbidlu billi jsiru l-paladini tal-etika u tal-imġieba korretta li jġibu ruħħom b’mod ġust, trasparenti u onest jew inkella jseħħ tibdil fil-liġijiet bil-għan li tiġi kontrollata l-korruzzjoni.
Tal-Kamra tal-Kummerċ qalu li huma qagħdu lura milli jipproponu żjieda fis-salarju tal-membri parlamentari għaliex hemm wisq nuqqasijiet fl-imġieba tagħhom u għaldaqstant ma jistħoqqihomx li jingħataw żjieda.
Fil-fehma tiegħi, għandna nkunu aktar ambizzjużi minn hekk.
L-ewwelnett, il-politika għandha tinfatam minn man-negozju. U dan jista’ jseħħ kemm il-darba jiġi regolat b’diversi metodi l-finanzjament tal-partiti u tal-kandidati.
Il-partiti u l-politiċi m’għandhomx jitħallew jamministraw il-finanzjament tal-kampanji elettorali u l-ġbir u l-infieq għandu jibda’ jitmexxa minn professjonisti maħturin apposta (bħalma huma, ngħidu aħna, l-accountants). U dan il-ġbir u nfieq għandu jiġi mgħarbel minn persuni indipendenti (mill-ġudikatura, s-servizz ċivili u s-soċjeta ċivili) fil-kummissjoni elettorali.
Għandu jkun hemm finanzjament mill-istat tal-partiti politiċi, kemm jekk dawn ikunu rappreżentati fil-parlament u kemm jekk ma jkunux u t-tqassim tal-flus għandu jsir skont kriterji oġġettivi.
Il-partiti politiċi m’għandhomx ikunu sidien ta’ mezzi tax-xandir, partikolarment ta’ stazzjonijiet televiżivi.
It-tieninett, il-politika għandha ssir professjoni.
Min jidħol għall-ħajja pubblika għandu jkun kumpensat b’mod adegwat u, dawk li ma jkunux telqu mill-politika minħabba xi skandlu, għandu jkollhom transizzjoni trankwilla meta jerġgħu lura għall-ħajja privata.
Il-membri parlamentari għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom servizz ta’ persuni professjonali mħarrġin apposta.
Ma narax għaliex in-numru ta’ membri parlamentari għandu jonqos, iżda jekk tal-Kamra tal-Kummerċ jidhrilhom li Kamra b’inqas membri għandha ttejjeb il-prodott, għandhom jiżguraw li l-Parlament ma jiċċekkinx iżżejjed b’tali mod li membru wieħed jispiċċa jirrappreżenta aktar votanti mid-distakk bejn żewġ partiti.
Min jidħol għall-ħajja pubblika għandu jkun imħarreġ b’mod professjonali fil-politika u fl-amministrazzjoni pubblika.
Is-servizz ċivili għandu jissaħħaħ u għandu jingħata aktar awtonomija u indipendenza: impjegati anzjani tal-gvern għandhom jibqgħu f’posthom jinbidlu kemm jinbidlu gvernijiet.
It-tielet: għandu jkun hemm bidla bil-mod kif gvern iġib ruħu mal-pubbliku. L-aċċess li għandhom in-negozjanti għall-ministri għandu jiġi regolat bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza u aktar konsultazzjoni ma’ persuni li m’hux neċessarjament huma motivati mill-gwadann tal-profitt iżda mill-ġid komuni, l-interessi tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin u l-ambjent in ġenerali.
Mhux il-politiċi biss jeħtieġ jibdlu l-imġieba u l-mentalità tagħhom. Dan igħodd ukoll għan-nies tan-negozju.
Ir-raba’: id-demokrazija għandha tiġi mgħallma lit-tfal b’mod differenti u dan bil-għan li dawk li telgħin jkunu jistgħu jifhmu mill-ewwel li xi ħadd bħal Rosianne Cutajar ċertament m’hix denja li tingħata l-vot tagħhom.