Wara sensiela ta’ kawżi fil-qorti, ftakarna dwar dak li kien iseħħ fis-snin 70 meta l-gvern Laburista kien jirrekwiżizzjona djar privati – bl-iskuża li dawn kellhom iservu bħala akkomodazzjoni għal “skop soċjali” – li kienu jispiċċaw mgħoddijin lill-Partit Laburista. Għall-bidu dawn kienu jservu bħala każini politiċi. Illum dawn inbidlu fi ħwienet tax-xorb u f’ristoranti għall-benefiċċju tal-Partit Laburista filwaqt li s-sidien qed ikollhom iħarrku lill-gvern għall-kumpens.

Dak li seħħ ma kien xejn ħlief ħadma iżda nistgħu forsi nikkunslaw mill-fatt li din kienet seħħet fis-snin 70. Żmien li matulu bosta minna kienu għadhom lanqas twieldu.

Iżda xi kultant ninsew li dan huwa l-mod kif minn dejjem ġab ruħu l-Partit Laburista.

Il-bieraħ Robert Abela għamel diskors quddiem il-mafkar tal-“ħelsien” fil-Birgu. Kienet laqgħa tal-Partit Laburista għall-partitarji Laburisti. Il-mexxej Laburista għaddej minn baħar pjuttost imqalleb u nistgħu ngħidu li bħalissa l-partitarji tal-partit tiegħu jinsabu mdejqin bit-tmexxija tal-partit.

Bosta minnhom m’huma kuntenti xejn bis-sehem li kellu l-gvern Laburista fil-frodi u l-qerq tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet u jħossuhom li ġew umiljati minn qorti li, fis-sentenza tagħha, ma qagħditx tlaqlaq. Il-partitarji Laburisti xejn ma jieħdu pjaċir kull darba li l-avversarji politiċi tagħhom jingħataw raġun.

Oħrajn jinsabu mdejqin għaliex qed iħossu li t-tmexxija Laburista m’hix taqbeż biżżejjed għall-gvern ta’ Joseph Muscat u li jista’ jagħti l-każ li għad nisimgħu bi skandli oħra li ser ikomplu jħammru wiċċ il-moviment Laburista.

Bosta oħrajn tqażżu meta qraw dak li kitbet Rosianne Cutajar fis-sens li “kulħadd qed jitħanżer” u fehmu li, filwaqt li l-kotra tan-nies qed tissielet biex tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja, fost dawk tal-qalba fi ħdan it-tmexxija Laburista hemm minn qed igawdi minn pagi u minn mpjiegi fantażma.

Oħrajn jinsabu mdejqin għaliex qed jirraġunaw li Joseph Muscat, bid-difetti kollha tiegħu, għallinqas rebbħilhom l-elezzjonijiet iżda m’humiex ċerti jekk dak leħaq warajh huwiex ser ikollu l-ħila li jagħmel l-istess.

Lil dawn il-partitarji urtati kollha, Robert Abela ried jagħtihom skuża biex iċapċpulu u jtaptpulu fuq dahru u kien jeħtieġlu joffrilhom bukkett fjuri adatt u kaxxa mżejna biċ-ċikkulatini biex jikkunslahom. Iżda Robert Abela ma kellu xejn minn dan kollu x’joffrilhom.

Għaldaqstant il-mexxej tal-Partit Laburista għamel dak li kull mexxej tal-partit ta’ qablu kien jagħmel u ddeċieda li jisraq lill-poplu Malti biex b’hekk jipprova jtaffi d-dwejjaq tal-partitarji tiegħu.

Biss ftit ġranet ilu, l-ministru tal-finanzi qalilna li jeħtieġ li l-infiq pubbliku jsir bil-għaqal.  U issa, f’nofs sena fiskali, mingħajr ebda kuntest ekonomiku dwar kemm ser jiswa’ lill-kaxxa ta’ Malta, f’attività tal-partit Robert Abela ħabbar li ser iżid l-istipendji tal-istudenti u ċ-children’s allowances.

Kif tista’ tikkritika miżuri bħal dawn mingħajr ma toħloq rabja fost l-istudenti u l-ġenituri tagħhom? Din hi appuntu l-isfida li Robert Abela jrid li jqiegħed quddiem il-kritiċi tiegħu.

Min hu dak li mhux ser jaċċetta aktar flus f’butu?

Għandna ngħidu “le” mhux għal aktar flus fil-but. Għandna ngħidu “le” għal min irid jittrattana bħallikieku aħna xi tfal aljenati bit-tqassin taċ-ċejċa. Għandna ngħidu “le” għall-infieq bl-addoċċ ta’ flejjes pubbliċi bil-għan li jittaffew il-problemi li għandu Robert Abela ma’ niesu.

Fix-xhur u s-snin li ġejjin, il-problemi li għandu Robert Abela x’aktarx ser joktru. U, mill-perspettiva tiegħu, ser ikollna nħallsu għal dan minn imneħirna.