Mhux kulħadd jista’ jkun Prim Ministru. Jista’ jkun hemm wieħed biss f’kull perijodu ta’ żmien. Jekk huwa minnu li qed joħloq ix-xogħol, ikun qed jagħmel xogħolu. Jekk dan ix-xogħol qed jinħoloq ukoll fil-qasam tal-produzzjoni tal-kotba u fil-kitba tal-blogs, xorta waħda jkun qed jagħmel xogħolu.
Tkaża u ddieħak bil-fatt li dawk li jixtru u jaqraw il-ktieb ta’ Robert Aquilina issa għandhom l-opportunità li jixlu lill-gvern tiegħu li qed jgħatti xtur il-kriminali biex b’hekk jingħata kenn lil Joseph Muscat.
Jistgħu issa jaraw b’għajnejhom ir-rakkomandazzjoni speċifika li kienu għamlu esperti li tħallsu l-miljuni mill-Istat Malti fis-sens li t-trasferiment ta’ €1 miljun li kien għadda mill- Pilatus Bank jixraq li jkompli jiġi nvestigat. Din ir-rakkomandazzjoni kienet inkitbet żmien twil wara li Joseph Muscat kien xerred demgħa fuq palk meta l-Maġistrat ma kienx sab provi li kien irċieva €1 miljun.
Għamlu minn kollox biex din ir-rakkomandazzjoni jidfnuha u jaħbuha għaliex fin-nofs hemm is-sopravivenza tal-Partit Laburista, mhux biss bħala gvern iżda wkoll bħala partit. Issa li nkixfu l-għawwar, kien jeħtieġ strateġija u għodda differenti. Ġaladarba ma rnexxilhomx jaħbu r-rakkomandazzjoni, jeħtieġ issa li jiskreditaw lil min kixifhom.
Il-blogger u eks delegat tal-Partit Laburista Mark Camilleri rreaġixxa bl-aħrax għat-tkażar tal-Prim Ministru. Mark Camilleri (ir-ribell u eks chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u mhux is-suċessur tiegħu) fakkar lil Robert Abela li l-pubblikazzjoni tal-kotba toħloq ix-xogħol u li hu, jiġifieri Mark Camilleri, kien irriskja ħafna aktar milli qatt kellu jirriskja Robert Abela biex joħloq l-impjiegi f’dan il-qasam.
Din hi tweġiba valida iżda ma naħsibx li dan kien il-messaġġ li Robert Abela ried iwassal.
Ma naħsibx li Robert Abela l-kittieba, poeti u ġurnalisti jarahom żejda. Lanqas ma naħseb li kellu l-intenzjoni li jgħaddi ż-żmien b’dawk li jiktbu fil-blogs jew li jipproduċu l-kotba.
Huma l-kritiċi tiegħu li hu jarahom żejda, jiġifieri dawk kollha li jgħarblu lill-imġieba tiegħu u li jikkonkludu li hi qarrieqa, kompromessa, inkompetenti, servili u mhux koerenti.
Ejjew niflu ftit dak li seħħ il-bieraħ. Robert Abela m’huwiex l-ewwel jew l-aħjar populista. Il-populisti tal-lum u tal-imgħoddi jaf isegwihom u qed jagħmel minn kollox biex jipprova jiskredita kull sors ta’ informazzjoni barra dak li joħroġ mill-partit tiegħu u dan bil-għan li l-partitarji akkaniti tiegħu jibqgħu sajmin mill-fatti.
Allura qed ipinġi lilu nnifsu bħala l-personifikazzjoni tal-interessi tal-“poplu”, hu u jaħdem bla heda biex joħloq ix-xogħol, joħloq il-ġid u jara li l-għedewwa tal-poplu dan ix-xogħol u dan il-ġid ma jisirquhx minn taħt ħalqu.
L-“għedewwa tal-poplu” qed ipinġihom bħala “elitisti”. Jiġifieri ċorma ta’ mostri għażżenin li m’għandhom il-ħila li jipproduċu xejn iżda li, mal-ewwel ċans li jiġihom, tarahom jaħtfu l-ġid minn taħt ħalq il-“poplu”.
Ta’ sikwit smajtuhom jitkellmu dwar il-kritiċi tagħhom. Dawn huma “Nazzjonalisti” li l-għan uniku tagħhom hu li jerġgħu jkunu fis-setgħa sabiex ikunu jistgħu jerdgħu l-ġid tal-poplu. U li Robert Abela biss jista’ jżommhom milli jagħmlu dan.
L-“elitisti” u l-“għedewwa tal-poplu” huma dawk li huma lesti jisfidaw l-awtorità ta’ Robert Abela – l-intellettwali, l-ġurnalisti, l-kummentaturi, l-attivisti, l-analisti, l-kritiċi – insomma dawk kollha li m’għandhom ebda setgħa politika iżda li, b’ħilithom, jikxfu l-verità u jxandruha.
Kemm il-darba l-verità li tinkixef ser tiġi njorata, jkun jeħtieġ li jiġu skreditati dawk kollha li jikxfuha. U għaldaqstant ikun jeħtieġ ukoll li jiġu mixlija b’lublieba għas-setgħa. Fi kliem ieħor, kemm il-darba ser jiġu njorati l-provi li jinsabu stampati fuq 500 paġna fil-ktieb ta’ Robert Aquilina dwar l-iskandlu Pilatus Bank, Robert Aquilina jeħtieġ li jiġi mgħajjar u mċekken.
Issa stennew agħar minn hekk. Il-Partit Laburista ħareġ it-tarka. Illum leħen il-mibgħeda Manwel Cuschieri ser jerġa’ jibda’ jxandar fuq l-istazzjon tar-radju tal-Labour u ser ikompli jum wara jum bil-litanija ta’ tgħajjir kontra l-“elitisti”. Tinduna li jkunu ħarġu tarka meta jibdew iqanqlu l-emozzjonijiet dwar kontroversji tal-imgħoddi mal-Knisja li seħħew fis-snin 60. Iva, dan hu li qed iseħħ bħalissa: kriżi li nħolqot sforz il-paranoja tal-Labour u sforz il-ħtieġa li l-appoġġ mingħand il-partitarji tiegħu ma jonqosx u dan biex żgur ma jkunx hemm minn fost dawn li jitħajjar jisma’ x’qed jingħad fin-naħa opposta.
Meta Robert Abela jipprova jiddieħak bil-kotba u bil-blogs bħalma għamel il-bieraħ, ikun qed jiftaħ is-siparju ta’ gwerra kulturali. F’ambjent bħal dan, ħażin ikun għalik jekk tipprova tkun oġġettiv. Ħażin ikun għalik jekk tipprova tiddibatti jew tisma’ x’għandu xi jgħid ħaddieħor. Il-vanġelu jinsab biss f’dak li joħroħ mit-telviżjoni u r-radju tal-One. Ebda rispetti lejn ħadd, ħlief dawk li għandhom il-barka ta’ Manwel Cuschieri.
F’dinja bħal din, minflok kotba u blogs kontenzjużi, jkollna biss slogans u litaniji ripetuti minn kor ta’ nagħaġ miġubrin f’razzett rivoluzzjonarju. Ilkoll jirrepetu “L-aqwa żmien. L-aqwa żmien,” u dan minkejja l-fatt li kollox ikun qed jiġġarraf madwarhom. Il-korrotti u l-kriminali jisirqu l-futur ta’ wliedna u, minn fuq, jippretendu l-grazzi.
Ninsabu fuq l-għatba ta’ fażi ġdida ta’ intolleranza, ta’ mibgħeda u ta’ propaganda li ser tixbaħ dik li konna għaddejna minnha dakinhar li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia u dakinhar li l-Partit Laburista għamel minn kollox sabiex il-partitarji tiegħu ma jħossu ebda farka ta’ simpatija lejn il-familja tal-mejta.
Se nerġgħu nwieġbu kif konna weġibna dakinhar.
X’igħid x’igħid Robert Abela, l-blogs u l-kotba m’hux ser jitwaqqfu.